Futbol Sport

Milan jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: EPA)

Milan irritornaw għar-rebħ wara li sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun f’nofs il-ġimgħa kontra Juventus meta fi Stadio San Siro għelbu lil Torino 2-0. RAFAEL LEAO fetaħ l-iskor wara 25 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Diaz ikkonkluda bla ebda diffikultà. Milan irdoppjaw ħdax –il minuta wara meta Andrea Belotti deher jiffawlja lil Brahim Diaz fil-kaxxa bir-referee jordna penalty biex minn ħdax –il metru, FRANCK KESSIE għamilhom 2-0.

Atalanta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta fi Stadio Ciro Vigorito għelbu lil Benevento 4-1. JOSIP ILICIC fetaħ l-iskor għal Atalanta man-nofsiegħa logħob meta wara li qabeż plejer ix-xutt tiegħu kien devjat għal ġewwa. Benevento rrispondew u ġabu d-draw fil-50 minuta meta minn cross ta’ Pastina kien MARCO SAU li b’konklużjoni mill-ewwel għamilhom 1-1. RAFAEL TOLOI reġa tefa’ lil Atalanta fil-vantaġġ fid-69 minuta meta xeħet ġewwa mill-viċin wara li x-xutt ta’ Ilicic kien parzjalment salvat minn Montipo. Żewġ minuti wara DUVAN ZAPATA aċċerta mit-tliet punti għat-tim minn Bergamo meta kkonkluda fuq pass ta’ Ilicic. Erba’ minuti mit-tmiem, LUIS MURIEL skorja r-raba’ gowl ghal Atalanta b’konklużjoni minn barra l-kaxxa.

Genoa kisbu tliet punti importanti kontra Bologna hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0. Ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Genoa marru fil-vantaġġ permezz ta’ MIJA ZAJC Fit-tieni taqsima Genoa irduppjaw fil-55 minuta permezz ta’ MATTIA DESTRO mill-viċin ma żbaljax u għamilhom 2-0 għal Genoa.