Il-Prim Ministru Robert Abela u Stewart Healthcare għaddejjin b’manuvri u b’intriċċi diskreti u minn wara dahar il-Kabinett bl-iskop li Stewart Healthcare jħabbru li se jirrinunzjaw għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dawn in-negozjati, li jinsabu fi stadju avvanzat, mistennija jwasslu għal qbil temporanju fis-sens li Stewart Healthcare jċedu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex iżda jżommu l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech.
Din hi logħba mill-aktar moqżieża tal-Prim Ministru Robert Abela fis-sens li wara li l-Gvern – minn wara dahar il-poplu u bla ebda konsultazzjoni ma’ ħadd – kien għadda tliet sptarijiet pubbliċi lill-Vitals Healthcare, issa se jipprova jieħu l-mertu għaliex Stewart Healthcare jroddu lura lill-poplu Malti u Għawdxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument qalulna li kollox jindika li t-taħditiet diskreti bejn il-Gvern u Stewart Healthcare se jwasslu għal kompromess fis-sens li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – li kien inbiegħ u ngħata lill-barranin minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi – jingħata lura lill-Istat, iżda ż-żewġ sptarijiet l-oħra – l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech – se jibqgħu f’idejn il-barranin.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument żvelaw magħna li hemm mottivi oħrajn għal dan id-deal moqżież.
• Din hi mossa moqżieża se ssir għaliex Stewart Healthcare qed ikollhom diffikultajiet finanzjarji kbar biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
• Din hi mossa moqżieża wkoll għaliex fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela qed jara biss opportunità fejn jista’ jiggwadanja l-voti b’1,400 impjieg… l-akbar post tax-xogħol f’Għawdex.
• Din hi mossa moqżieża wkoll għaliex b’dan il-ftehim il-Prim Ministru Robert Abela jrid jagħmel eżerċizzju ta’ marketing biex juri li hu ħareġ rebbieħ anki f’din il-kwistjoni moqżieża li tfakkarna fit-trio Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna… minbarra f’Joseph Muscat u f’Edward Scicluna.
Fuq din il-mossa moqżieża qed jaħdmu fuqha numru ristrett ta’ persuni ta’ fiduċja ta’ Robert Abela li jrid jiżvela l-aħbar fil-ġirja tiegħu għall-Elezzjoni Ġenerali.
Interessanti l-fatt li ma’ dawn il-manuvri, Robert Abela qed jorbot għadd ta’ manuvri oħrajn, fosthom li l-Kirurgu Għawdxi Jo-Etienne Abela jinħatar l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hekk kif dan jgħaddi mill-ġdid f’idejn l-Istat.
Attwalment kollox jindika li l-Kirurgu Jo-Etienne Abela mistennija jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Laburista fuq l-Għaxar Distrett u t-Tlettax-il Distrett.
Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jaħmi pjan biex id-Deputat Manuel Mallia jċedi postu u minfloku jkun co-opted fil-Parlament l-istess Kirurgu Jo-Etienne Abela.
Fir-rigward ta’ Mauel Mallia qed jingħad li lil dan, Robert Abela se jagħtih ħatra ta’ Ambaxxatur lejn destinazzjoni ‘importanti’. Sadattant iżda jkun warrbu minn saqajh filwaqt li aġevola lill-Kirurgu Għawdxi.
Iżda l-mottiv ewlieni dwar id-destin ta’ Jo-Etienne Abela hu li finalment jieħu post Anton Refalo f’Għawdex.
Robert Abela ma tantx jara għajn m’għajn ma’ Anton Refalo u meta kellu ċ-ċans li jagħmlu Ministru għal Għawdex, anqas biss ikkunsidrah fl-għażliet li kellu quddiemu. Fi ftit kliem, il-karriera politika ta’ Anton Refalo jista’ jkun tieħu daqqa kbira bil-manuvrar ta’ Robert Abela.
Attwalment il-filjozz tal-Prim Ministru Robert Abela f’Għawdex hu bla dubju ta’ xejn il-Perit Clint Camilleri. Għalkemm lil Justyne Caruana reġa’ ħatarha fil-Kabinett tal-Ministri, hu sigriet magħruf li ma tantx tinżel tajjeb miegħu u wieħed ma jesludix li anki fir-rigward tagħha – kif għamel ma’ Julia Farrugia Portelli u Silvio Schembri – għad jaħraqha biex hekk postha f’Għawdex iwittih għall-Ewro-Parlamentari Għawdxija Josianne Cutajar.
Is-sorsi ta’ il-mument temmew li l-pjan ta’ Robert Abela dwar Għawdex hu ċar ħafna… dak li jimbotta lil Clint Camilleri u lil Jo-Etienne Abela u eventwalment jara kif ideffes ukoll lil Josianne Cutajar… filwaqt li l-oħrajn jitwarrbu bil-pulit.
//= $special ?>