Lokali

F’ġimgħa ta’ każi rekord ta’ Covid-19, Abela jlaqqa’ lill-partitarji f’lukanda

Quddiem ġimgħa rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna, il-Partit Laburista baqa’ għaddej business as usual.

F’lukanda fil-Mellieħa, il-Lejber laqqa’ lin-nies għall-attività politika tal-Ħadd filgħodu … indirizzata fost l-oħrajn mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

B’hekk, kuntrarju għall-pass kawt li mexa bih il-Partit Nazzjonalista, b’rispett lejn is-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija, il-Lejber xorta baqa’ għaddej b’mod normali – propju business as usual – f’ġimgħa li fiha rajna jumejn li fihom inkiser ir-rekord ta’ każi ġodda ta’ Coronavirus u meta l-każi attivi reġgħu qabżu l-2,000.

Iżda fl-ambitu ta’ dan ix-xenarju sensittiv, il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru baqa’ jipriedka “in-normalità”. Iżda filwaqt li l-Prim Ministru qed jgħid li pajjiżna se jmur lura għan-normalità sa Mejju, Fearne jaħsibha mod ieħor.

Chris Fearne qatta’ ħin twil jitkellem dwar it-tempesti li pajjiżna qed jaffaċja kaġun tal-pandemija.

Bil-maskra milbusa l-ħin kollu, Fearne stqarr li Malta ffaċjat urugan li ġie fuq kulħadd. Kompla li wasal iż-żmien li nibżgħu għaż-żgħir għax il-mewġ hu għoli.

Fearne tkellem ukoll dwar il-vouchers u qal li la jasal iż-żmien dawn se jkunu qed jitqassmu.

Min-naħa l-oħra, il-Mexxej Laburista ma tax kas l-istħarriġ ippubblikat mill-gazzetta MaltaToday, li wera tnaqqis qawwi fl-appoġġ lil Abela – f’wirja ċara li n-nies mhux komdi bit-tmexxija tiegħu – u żieda fl-appoġġ lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Fl-istess waqt, hu tilef okkażjoni oħra biex ineħħi minn fuqu id-dellijiet tqal marbuta mas-sitwazzjoni tiegħu tat-taxxa. Fil-fatt, Robert Abela għadu sal-lum ma ppubblikax… la r-returns tat-taxxa u lanqas ir-returns tal-VAT.