Futbol Sport

Ilejla tkompli d-diskussjoni dwar il-futbol Malti f’Replay

Illejla jerġgħu jkunu magħna l-programmi Replay, tal-Ħadd filgħaxija fuq Net Television, b’żewġ appuntamenti f’ħinijiet differenti. ‘Replay Live Score’, il-programm b’differenza u b’verżjoni qasira ta’ madwar 35 minuta, jixxandar l-ewwel fis-6:45pm, f’xandira diretta kemm fuq Net Television kif ukoll fuq il-paġna ta’ Replay fuq Facebook.

F”Replay Live Score’, id-dilettanti tal-futbol lokali jistgħu ssegwu l-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, kemm mill-Kampjonat Premier, National Challenge League, kif ukoll uħud mill-partiti tal-National Amateur League, li jiffurmaw parti mill-kompetizzjonijiet organiżżati mill-MFA. F’dan il-programm, wieħed jista’ jara ukoll il-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa miż-żewġ Kampjonati li jintlagħbu f’Għawdex. Mhux hekk biss, iżda l-produzzjoni ta’ Replay, f’dan il-programm, twassal ukoll il-gowls tal-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa, mill-partiti li jkunu ntlagħabu matul tmiem il-ġimgħa, primarjament fl-Ingilterra u l-Italja.

‘Replay Live Score’ jixxandar sal-ħin tas-7:20pm, eżatt sa ma jibda Net News tas-7:30pm, iżda ‘mbgħad il-produzzjoni ta’ Replay terġa’ twassal xandira oħra diretta u differenti mill-programm li jkun għadu kemm ixxandar, meta fid-8:45pm tibda d-diskussjoni kalċistika lokali, bil-programm tant popolari Replay tal-Ħadd filgħaxija, flimkien ma’ Christian Micallef, Konrad Sultana, il-mistiedna fl-istudio ta’ Replay, kif ukoll il-mistiedna li jipparteċipaw ta’ kull ġimgħa fil-programm, b’mod virtwali permezz ta’ kollegamenti awdjo-viżivi. Ilejla, il-mistieden fl-istudio se jkun id-Direttur Tekniku ta’ Mosta, Mario Muscat.

Fil-programm tal-lejla, se jkun hemm diskussjoni u analiżi dwar il-partiti kollha ta’ tmiem il-ġimgħa mill-Kampjonat Premier, b’emfasi partikolari fuq il-partita tal-ġimgħa li tintlagħab illum fis-6pm, dik bejn Ħamrun Spartans u Mosta.

Għaldaqstant, id-dilettanti tal-futbol Malti u anke dawk internazzjonali, illejla għandhom jerġgħu jagħmlu appuntament ieħor mal-programmi Replay fuq Net Television, l-ewwel ma’ ‘Replay Live Score’ fis-6:45pm u wara mal-programm ta’ diskussjoni, ‘Replay’ fid-8:45pm fuq Net Television.