Sport Sport Ieħor

Imut il-leġġenda tar-Rally ta’ Dakar Hubert Auriol

Id-dinja tal-motorsport tinsab f’luttu wara li tħabbret il-mewt ta’ Hubert Auriol fl-eta’ ta’ 68 sena. Huwa miet kawża ta’ problemi f’qalbu wara battalja twila ma’ marda relatata mal-istess problemi.

Mgħruf aħjar bħala “the African” minħabba li kien twieled fl-Ethiopia, Hubert Auriol kien sewwieq leġġendarju u kif ukoll direttur tar-Rally ta’ Dakar fejn jibqa’ mfakkar għaliex kien l-ewwel sewwieq li rebaħ kemm bil-mutur fl-1981 u l-1983 u kif ukoll bil karozza fl-1992. Fl-1995 huwa nħatar bħala l-Kap il-ġdid tar-Rally ta’ Dakar u taħt id-direzzjoni tiegħu ir-rally telqet għall-ewwel darba minn postijiet barra Franza, fejn telqet minn Spanja fl-1995, fl-1996 u fl-1999 u minn Dakar fl-1997 u fl-2000.

Huwa jibqa’ mfakkar ukoll għar-rivalita’ li kellu ma’ Cyril Neveu fl-edizzjoni tar-Rally ta’ Dakar tal-1987, fejn Auriol kien spiċċa biex ħabat fl-aħħar stadju, b’riżultat li kiser iż-żewġ għekisi. Minkejja dan hu xorta spiċċa it-tellieqa hekk kif Neveu kien inkurunat champion. Auriol ingħata l-unur tan-‘National Order of Merit’ u l-‘Legion d’honneur’ fl-1995 u kien introdott fl-FIA Hall of Fame fl-2019.