Internazzjonali

Indja: Jinvestigaw l-imwiet tat-trabi fost in-nirien fi sptar

Ħadd ma jaf il-kaġun ta’ nirien li ħakmu sezzjoni tal-Isptar fid-Distrett ta’ Bhandara (fl-Indja) u fejn spiċċaw mietu talanqas għaxar trabi.

Uħud mill-vittmi ċkejknin kienu twieldu ftit tal-jiem ilu biss, bl-investigazzjonijiet bir-reqqa tat-traġedja qed ikomplu.

It-traġedja, fl-Istat ta’ Maharashtra, lejn il-Punent tal-Indja, seħħet waqt li membri tal-istaff tal-isptar kienu qed jippruvaw jevakwaw lin-nies minn sala partikulari – u qabel laħqu waslu fil-post l-iskwadri għat-tifi tan-nirien.

L-inċident, fi tmiem il-ġimgħa, kien imfisser bħala ‘ta’ qsim il-qalb għall-pajjiż kollu żmill-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi.

Intant, numru ta’ sorsi infurmati suġġerew li t-traġedja – skont xi elementi ta’ provi inizjali – setgħet seħħet b’kaġun ta’ short circuit fis-sistema tad-dawl tal-isptar. Il-fjammi ma damux biex jaħkmu numru ta’ sezzjonijiet tal-isptar, fosthom it-Taqsima għat-Trabi li jkunu għadhom kemm twieldu.

L-awtoritajiet tal-isptar irnexxielhom isalvaw madwar sebat itrabi iżda, sigħat wara, ngħatat il-konferma li kienu mietu għaxar trabi oħra fil-fjammi.

Il-Ministru Indjan għall-Intern, Amit Shah u l-Ministru tad-Difiża Indjan, Rajnath Singh, kienu fost l-ewwel Ministri li esprimew sogħba ‘għat-telfa tat-trabi irreparabbli’ huma u jwasslu l-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi.