Internazzjonali

Indoneżja: Jindikaw il-kaxxi s-suwed tal-Boeing li ġġarraf

L-awtoritajiet tal-Indoneżja fl-aħħar sigħat indikaw il-kaxxi s-suwed – jew flight recorders – tal-ajruplan ta’ linja tal-ajru low-cost li nhar is-Sibt iġġarraf fil-baħar, ftit minuti biss wara t-tluq mill-ajruport tal-kapitali Jakarta.

L-ajruplan tat-tip Boeing 737-500 – tal-linja Sriwijaya Air —  kellu 62 persuna abbord waqt it-titjira interna meta għeb minn fuq ir-radar ftit wara li kien beda l-vjaġġ. Il-kontrolluri tal-ajru qed isostnu li l-ekwipaġġ ma bagħat l-ebda sejħa għall-għajnuna qabel l-ajruplan sparixxa.

Fuq l-ajruplan, li normalment iġorr 130 persuna, kien hemm  numru ta’ tfal u itrabi u 12-il membru tal-ekwipaġġ. Il-persuni abbord huma kollha ta’ nazzjonalità Indoneżjana.

Intant, fl-aħħar sigħat, flotilla ta’ bastimenti kienet qed tfittex fiz-zona ta’ baħar fejn kien indikat it-tiġrif u fost stennija li l-bugħaddasa tal-qawwiet tal-baħar Indoneżjani jelevaw il-kaxxi s-suwed minn ħin għall-ieħor.

Dan meta fl-aħħar sigħat kienu elevati xi partijiet tal-ajruplan u l-fdalijiet tal-bnedmin miz-zona tat-tfittxija. Il-partijiet tal-ajruplan, intant, qed ikunu suġġetti għall-analiżi tal-esperti, fost l-investigazzjoni dwar x’seta wassal għat-tiġrif tal-Boeing.

L-uffiċjali Indoneżjani li kienu intervistati qalu li ftit hemm tama li jinstabu xi nies ħajjin fiz-zona tat-tfittxija. Dan waqt li l-pulizija qed titlob lill-qraba tal-vittmi biex jipprovdu kampjuni tad-DNA u rekords personali oħra tal-vittmi li jistgħu jgħinu fl-investigazzjoni.