Lokali

Irrid Partit riġenerat u b’ideat friski – Bernard Grech

Irrid Partit riġenerat u b’ideat friski. Għalhekk jien sodisfatt li aktar żgħażagħ qed joqorbu lejn il-Partit Nazzjonalista. Għalhekk qed naħdem biex jirbaħ il-pajjiż kollu … biex jirbaħ il-bniedem.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jiġi intervistat minn Yendrick Cioffi, ġurnalist tal-gazzetta Illum, fuq NET Television. Hu qal li għalhekk, il-Partit se jibqa’ jippreżenta l-proposti tiegħu, filwaqt li jagħmel politika bbażata fuq il-persuna ħalli jkun jista’ jintlaħaq l-iskop tal-ġid komuni.

Bernard Grech tenna li l-Partit immexxi minnu jrid jieħu ħsieb saħħet in-nies biex għada naqtgħu l-frott tas-sagrifiċċji li qed nagħmlu llum. Dan anke fid-dawl tal-mod kif pajjiżna qed jiffaċċja l-pandemija tal-Coronavirus.

Dwar l-istħarriġ ippubblikat mill-MaltaToday, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għalih dan għamillu kuraġġ, għalkemm konxju li l-Partit fadallu biex jasal. Spjega li hu mhux biss kunfidenti, iżda fiduċjuż għax jaf li l-poplu jrid politiċi li jgħidulu l-verità.

Dwar il-pandemija, Bernard Grech fakkar fil-ħidma li qed issir mill-Action Group li waqqaf fil-Partit, li qal li kien effettiv tant li l-Gvern ħa miżuri ssuġġeriti minnu. Qal li hu jieħu pjaċir b’dan għax il-Partit Nazzjonalista jrid paġna ġdida għall-poplu kollu.

Mistoqsi x’kien jagħmel li kieku kien Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li żgur li ma kienx jidħaq bin-nies jew saħansitra jattakka lill-Għalliema, li fil-verità jixirqilhom rispett minn kulħadd.

Dwar l-ewwel 100 jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li jinsab sodisfatt bis-sinerġija li qed jaħdem biha l-Grupp Parlamentari kollu. Dan anke fid-dawl ta’ kemm il-poplu qed jixba’ mill-arroganza tal-Gvern Laburista.

Għalhekk, tenna, li qed jidher dejjem aktar biċ-ċar li Robert Abela mhux kuntent li Bernard Grech jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, tant li pprova jindaħal fil-proċess demokratiku li mexxa l-Partit.

Dwar l-istazzjonijiet politiċi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li f’pajjiż ideali, ma jkunx hemm bżonn stazzjonijiet politiċi għax ikollok Xandir Nazzjonali bilanċjat, nafu li f’pajjiżna dan mhux il-każ. Hu għalhekk li se jkompli jara li l-istazzjonijiet NET ikomplu jissaħħu ħalli jkomplu jservu bħala l-vuċijiet tal-Partit.