Internazzjonali

Jiġġarraf ajruplan fl-ibħra tal-Indoneżja bi 62 persuna abbord

Ajruplan ta’ linja tal-ajru low-cost Indoneżjana iġġarraf fil-baħar erba’ minuti wara t-tluq mill-ajruport tal-Kapitali Indoneżjana Jakarta bi 62 persuna abbord.

L-Ajruplan tat-tip Boeing 737-500 kien fuq titjira interna il-Ħadd meta għeb minn fuq ir-radar ftit biss wara t-tluq. Kelliem għall-qawwa navali Indoneżjana qal li rnexxielhom jaqbdu t-trażmissjoni tal-hekk imsejjħa black box tal-ajruplan u hemm mal-10 bastimenti fuq il-post hekk kif jidher li diġa ttellgħu xi fdalijiet tal-ajruplan u kadavru.

It-titjira tal-linja tal-ajru Sriwijaya telqet minn Jakarta fis-2.36p.m. ħin lokali u normalment iddum siegħa u nofs. Kontrolluri tal-ajru qalu li l-ekwipaġġ ma bagħat ebda sejħa għall-għajnuna qabel l-ajruplan għeb mir-radar.

Fuq l-ajruplan, li normalment iġorr 130 persuna, kien hemm 50 passiġġier, fosthom sebat itfal u tliet itrabi, u 12-il membru tal-ekwipaġġ. Il-persuni abbord huma kollha ta’ nazzjonalita’ Indoneżjana.

L-ajruplan għandu 26 sena iżda il-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru qed jinsisti li l-ajruplan hu f’kundizzjoni tajba u li kienet issir il-manutenzjoni meħtieġa.