Internazzjonali

L-Istati Uniti tneħħi r-restrizzjonijiet għall-kuntatti mat-Tajwan

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo ikkonferma li l-Istati Uniti qed tneħħi r-restrizzjonijiet għall-kuntatti bejn l-uffiċjali Amerikani u tat-Tajwan.

Ir-restrizzjonijiet kienu introdotti għexieren ta’ snin ilu u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan, fi stqarrija, irrefera għall-fatt li ‘dan kien sar b’rispett għall-Gvern taċ-Ċina’ li dejjem insista li Beijing għandu ‘is-sovranità’ fuq il-gżira-Stat  tat-Tajwan. Iċ-Ċiniżi komunisti, fil-fatt, iqisu lit-Tajwan bħala ‘provinċja ribelluża ta’ pajjiżhom’

Intant – u meta l-Istati Uniti qed tħejji għall-inawgurazzjoni tal-President Amerikan ġdid, Joe Biden – il-Gvern f’Washington, issa, iddikjara li r-regoli preċedenti (għall-Istati Uniti) fil-konfront tat-Tajwan bħala ‘nulli u invalidi’.

Dan il-pass minn Washington, sadanittant, mistenni jirrabja liċ-Ċina, minbarra li jżid it-tensjoni mal-Gvern komunista ta’ Beijing, fi żmien delikat ħafna għall-Istati Uniti.