Lokali

L-istudenti tas-saħħa jitolbu biex jitlaqqmu ma’ tal-ewwel

Sejħa urġenti lill-Ministru tas-Saħħa biex jieħu azzjoni immedjata.

L-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tas-Saħħa (MHSA), fi stqarrija qalet li minkejja talbiet li saru lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex l-istudenti tas-saħħa jkunu ma’ tal-ewwel li jitlaqqmu għall-kontra l-COVID-19, huma baqgħu mingħajr ebda tip ta’ risposta. U dan hekk kif huma jkunu fost il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei waqt il-prattika tagħhom.

L-istudenti tas-saħħa qatt ma waqfu milli jattendu x-xogħol ta’ prattika, anke fl-għeqqel tal-pandemija. B’hekk, dawn l-istudenti jiltaqgħu mal-pazjenti u saħansitra dawk li jkunu pożittivi għall-COVID-19.

L-istqarrija tgħid li hi xi ħaġa tal-mistħija li l-istudenti qed jingħataw il-ġenb fi żmien tant delikat, liema persuni huma ta’ importanza kbira, b’mod speċjali f’dan iż-żmien, meta hawn nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa. U meta dawn l-istess persuni huma l-professjonisti fis-settur tas-saħħa t’għada.