Futbol Sport

Leeds United umiljati minn Crawley Town ta’ League Two

It-tim ta’ League Two, Crawley Town, kiseb rebħa sensazzjonali fuq Leeds United tal-Premier League fejn litteralment ġabu fix-xejn lit-tim ta’ Marcelo Bielsa – bħalma jindika l-iskor enfatiku ta’ 3-0. It-tliet gowls ta’ Crawley waslu kollha f’perjodu sorprendenti fit-tieni taqsima, bir-riżultat ifisser li din hi l-ewwel darba, f’34 sena, li tim tal-ogħla diviżjoni Ingliża tilef bi tliet gowls jew aktar kontra t-tim fir-raba’ livell tal-futol Ingliż mindu r-Raba Diviżjoni bdiet tifforma parti mill-Football League, fl-1958.

Leeds niżlu għal din il-logħba b’numru ta’ plejers regolari neqsin iżda xorta waħda kellhom nukleju kompetittiv magħmul minn ‘first teamers’ u ‘squad members’ internazzjonali. Intant, il-perjodu bejn il-50 u s-70 minuta kellu jkun diżastruż għal Leeds, b’NICK TSAROULLA, li kien qed jilgħab biss is-seba’ logħba tiegħu f’dan il-livell, jaqbeż tliet difensuri u jispara ġewwa għall-ewwel gowl ta’ Crawley. Tliet minuti wara, ASHLEY NADESAN irdoppja għal Crawley fuq żball tal-gowlkiper Casilla, b’JORDAN TUNNICLIFFE jagħmilhom tlieta għat-tim minn League Two li anki setgħu żiedu aktar gowls lejn it-tmiem.

Chelsea, il-finalisti tal-FA Cup fl-istaġun li għadda, kellhom rebħa faċli fuq Morecambe, ta’ League Two, biex b’hekk għaddew għar-rawnd li jmiss mingħajr wisq affann. Il-midfielder internazzjonali Ingliż, MASON MOUNT, fetaħ l-iskor b’xutt qawwi wara 18-il minuta, b’TIMO WERNER jagħmilhom tnejn ftit qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, HUDSON-ODOI kompla jżid l-iskor, b’KAI HAVERTZ jgħaqqad il-poker, ħames minuti mit-tmiem.

Manchester City ukoll ma kellhomx għalfejn jitħabtu wisq biex ixejnu l-isfida ta’ Birmingham City li jinsabu lejn in-naħat t’isfel ta’ The Championship. Il-gowls li kkonfermaw il-kwalifikazzjoni għar-raba’ rawnd tal-FA Cup waslu minn BERNARDO SILVA, li skorja doppjetta fit-8 u l-15-il minuta u PHIL FODEN li għalaq kull diskors qabel il-mistrieħ meta sab ir-rokna tax-xibka minn tarf il-kaxxa. B’hekk ukoll, Man City rebħu kull konfront mill-aħħar seba’ logħbiet ‘home’ fl-FA Cup u li hi l-aħjar sekwenza ta’ suċċessi f’darhom f’din il-kompetizzjoni minn Jannar tal-1946.

Tottenham kisbu rebħa faċli u kwalifika għall-fażi li jmiss meta għelbu lil Marine 5-0. Il-gowls ta’ Tottenham kienu skorjati permezz ta’ hat-trick ta’ VINICIUS fl-24, fit-30 minuta, u fis-37 minuta, LUCAS MOURA fit-32 minuta u ż-żgħażugħ ALFIE DEVINE mas-siegħa loghob, b’Devine jsir l-iżgħar plejer li qatt lagħab u skorja għal Tottenham.

FA CUP
Il-Ġimgħa: Aston Villa v Liverpool 1-4, Wolves v C. Palace 1-0 Ilbieraħ: Boreham v Milwall 0-2, Everton v Rotherham 2-1 et, Luton v Reading 1-0, Norwich v Coventry 2-0, Nott. Forest v Cardiff 1-0, Chorley v Derby 2-0, Blackburn v Doncaster 0-1, Blackpool v WBA 2-2 (3-2 pen), Bristol R. v Sheff. Utd 2-3, Burnley v MK Dons 1-1(4-3 pen), Exeter v Sheff. Wed. 0-2, Oldham v B’mouth 1-4, QPR v Fulham 0-2 et, Stevenage v Swansea 0-2 ,Stoke v Leicester 0-2, Wycombe v Preston 4-1, Arsenal v Newcastle 2-0, Brentford v M’Boro 2-1, Huddersfield v Plymouth 2-3, Man Utd v Watford 1-0, So’ton v Shrewsbury posp. Illum: Barnsley v Tranmere 2-0, Bristol v Portsmouth 2-1, Chelsea v Morecambe 4-0, Cheltenham v Mansfield 2-1et, Crawley v Leeds 3-0, Man City v B’mingham 3-0, Marine v Tottenham 0-5, Newport v Brighton 1-1 (3-4 pen) Għada: Stockport v West Ham 9.00pm