Lokali Sport

Maja Theuma – Determinata li tegħleb l-isfidi bl-isport

Tisfida lilha nnifisha minkejja kollox

Din hi Maja Theuma… żagħżugħa ta’ 20 sena li minkejja kollox ma tħalli xejn iwaqqafha milli tegħleb kull ostaklu biex tkun l-aħjar li qatt tista’ tkun f’ħajjitha.

Maja għandha l-kundizzjoni ta’ achondroplasia u minn dejjem kellha l-passjoni għall-għawm. Fil-fatt, din il-passjoni bdiet meta kienet għadha żgħira ħafna.

L-isport għaliha jfisser li ma jkollhiex ħin biex tinkwieta x’setgħet għamlet aħjar jew in-nies x’jaħsbu fuqha. Bħal kulħadd, hi mhux l-ewwel darba li ma jkollhiex aptit tqum u tibda tittrenja, liema eżerċizzju jinvolvi kemm dak fil-gym kif ukoll l-għawm. Iżda malajr tiftakar fil-miri biex tirrealizza għaliex qed tagħmel dak li qed tagħmel u li jżommuha għaddejja.

Għal Maja, l-isport hu eżerċizzju li tħossha kompluta bih. Bħalissa, hi qed tipprattika għall-Paralympics, fejn jekk tiġi magħżula, se tkun it-tieni mara li tirrapreżenta lill-pajjiżna f’dan il-logħob.

Iżda għas-suċċess fil-ħidma tagħha, ma jistax jonqos li hemm żewġ Coaches li jagħtuha l-kuraġġ u s-sapport meħtieġ. Wieħed minnhom hu dak tal-għawm innifsu, Edward Caruana Dingli.

U l-Coach tal-gym, Luke Camilleri, li kien xhieda tal-kuraġġ biex Maja tibqa’ għaddejja!

U għal dawk li jħossuhom se jaqtgħu qalbhom, Maja tħeġġiġhom biex ma jibżgħux jagħmlu l-ewwel pass.

Ritratti: Martin Agius
Filmati: Joe Francalanza
Muntaġġ: Carla Genovese