Lokali

Organizzata t-tieni clean-up minn TeamStart

Il-Ħadd wara nofsinhar, l-għaqda TeamStart organizzat it-tieni attività ta’ clean-up f’dan ix-xahar – din id-darba fiz-zona Tal-Virtù, fir-Rabat – bl-għan li jitnaddfu postijiet rurali minn skart li jintrema’ b’irresponsabbiltà.

In-Nazzjon tkellem mal-President ta’ TeamStart, Eve Borg Bonello, li spjegat aktar dwar din l-inizjattiva, li ġabret numru sabiħ ta’ żgħażagħ biex jgħinu f’dan it-tindif. Hi kompliet tgħid li huma jħossu li l-kwistjoni tal-ambjent trid tkun fuq l-aġenda ewlenija biex titjieb il-kwalità ta’ pajjiżna.

Borg Bonello kompliet tgħid li dan mhux l-uniku għan ta’ din l-inizjattiva hekk kif f’dawn il-clean-ups qed jiġbru donazzjonijiet għal Dar Merħba Bik. Dan wara li f’dawn l-aħħar tliet xhur ġew irraportati madwar 400 każ ta’ vjolenza domestika. U b’hekk, huma jixtiequ jgħinu filwaqt li jqajmu kuxjenza dwar dan.

Preżenti fost l-oħrajn kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat minn martu AnnMarie u wliedu Neil u Maria. Hu faħħar l-impenn ta’ TeamStart li, b’inizjattiva bħal din, qed itennu l-impenn favur l-ambjent ta’ madwarna.

“Dawn huma inizzjattivi taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista,” qal il-Kap tal-PN. “Dawn huma inizzjattivi ta’ żgħażagħ Maltin li jridu li jagħmlu lil pajjiżhom aħjar. Hemm bżonn li nitgħalmu nedukaw iktar lilna nfusna biex l-ewwel ħaġa jekk jista’ jkun ma nħamġux iżda t-tieni, ejja li kollha flimkien innadfu wara ħaddieħor.”

Preżenti wkoll għadd ta’ Deputati, Kandidati, Uffiċjali u Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjnalista.