Lokali

Qed nagħmlu t-tiġdid meħtieġ u qed inkabbru mill-ġdid lill-PN – Bernard Grech f’għeluq il-100 jum mill-ħatra tiegħu

F’dawn il-jiem Bernard Grech qed jagħlaq il-mitt jum tiegħu fil-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni. F’din l-okkażjoni il-mument għamel intervista estensiva miegħu fejn analizzajna dawn it-tliet xhur li l-istess Bernard Grech iddeskrivihom bħala ħidma bla heda iżda mimlija entużjażmu.

“Kienu tliet xhur ta’ ħidma ma taqta’ xejn. Laqgħat kuljum kemm fid-Dar Ċentrali u anki barra. Tiġdid kontinwu. Uċuħ ġodda. Ħatriet importanti. Rajna mill-ġdid uċuħ antiki jersqu lejna flimkien ma’ oħrajn ġodda.

“Iż-żgħażagħ kienu fuq quddiem tal-politika tagħna. Ftit ftit qed inpoġġu l-pedamenti għal għada. Mingħajr għaġġla. Irridu nagħmlu kollox bi ħsieb u bi pjan biex il-Partit Nazzjonalista tassew jikber u jkun il-forza politika li kien meta kiseb li l-Indipendenza u d-dħul tal-Unjoni Ewropea għal pajjiżna.

“Iva, hu possibbli li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir forza politika qawwija u dan grazzi għas-sehem u l-ħidma ta’ kulħadd fi ħdan l-istess Partit Nazzjonalista.”

Bernard Grech beda biex qal li f’dawn it-tliet xhur uża l-ħin biex kontinwament ikun jista’ jifhem f’hiex jinsab il-Partit Nazzjonalista. Kienu eżerċizzju ta’ stock-take tas-sitwazzjoni. Kienu tliet xhur ta’ tagħlim kontinwu. “Kontinwament ridt nitgħallem noqrob aktar lejn il-politika, lejn il-Grupp Parlamentari, ir-rapport inter-personali, inkun eqreb lejn il-ħaddiema, norganizzaw aktar dan il-post u nista’ nassigurak li sar ħafna xogħol li ma jidhirx iżda nassigurak li dan ix-xogħol se jkun qed jibda jidher fil-futur qrib, u ieħor se jkun qed jibda jidher aktar tard.”

Bernard Grech kompla li l-ħidma li qed issir bħalissa qed twassal biex il-Partit Nazzjonalista jiġġedded u jerġa’ jibda jikber u jsir il-forza politika qawwija li wasslet biex l-istess Partit Nazzjonalista kiseb l-Indipendenza għal pajjiżna u biex l-istess Partit Nazzjonalista kiseb id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewroea.

Dan it-tiġdid fil-Partit qed iseħħ mhux biss fuq livell ta’ politika u policies, imma anki fuq livell fiżiku ta’ Partit. “Irrid ngħidlek li f’dawn it-tliet xhur iltqajt mal-fergħat u insistejt li jkun hemm it-tiġdid meħtieġ fihom biex jirriflettu l-bżonnijiet tal-Partit Nazzjonalista llum. Saret ħidma importanti mis-Segretarju Ġenerali u mis-Segretarju Organizzati. Iltqajt mal-fergħat kollha u kelli l-opportunità li niltaqa’ man-nies li jimmilitaw fihom. F’dawn il-laqgħat ħeġġiġt lill-istess nies biex joffru politika ta’ kuntatt man-nies; kuntatt li jwassal għal aktar ideat ġodda imma wkoll li jkollhom politika li toffri aktar soluzzjonijiet għall-bżonnijiet tan-nies.”

Bernard Grech qal li hu ltaqa’ mal-Kumitati Lokali kollha tal-Partit. “Ma’ dawn tkellimt ukoll fit-tul u fissirtilhom l-importanza tat-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista u l-importanza tal-impenn tagħhom. Issa dan it-tiġdid se jkompli fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

“Kif wegħedt fil-kampanja jien irrid li l-Kumitati kollha tal-Partit ikunu parti integrali mill-politika tal-istess Partit Nazzjonalista u ma rridhomx li jkunu fil-periferija tal-Partit u maqtugħa mit-Tmexxija tal-Partit.”

Bernard Grech kompla li fl-istess mitt jum kien hemm ħatriet importanti fi ħdan il-Partit fosthom ta’ Ivan Bartolo li nħatar il-President tad-Djalogu Soċjali, u ta’ Martina Caruana li nħatret bħala l-President tar-Riċerka. Dawn huma rwol mill-aktar importanti li għandhom jagħtu impetus ġdid fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Qed naġġornaw il-modi kif niltaqgħu man-nies u “nista’ ngħidlek li f’dan il-perjodu saru ħafna laqgħat kemm ġewwa l-uffiċċju tiegħi fid-Dar Ċentrali, iżda anki ħafna laqgħat lil hinn minn hawnhekk. Iltqajna, fost l-oħrajn, mal-Korpi Kostitwiti u anki ma’ diversi entitajiet oħrajn. Iltqajna wkoll ma’ numru ta’ fakultajiet fl-Università ta’ Malta. Dan kollu juri kif f’dawn it-tliet xhur irnexxielna nagħmlu ħafna xogħol li fil-verità ma jidhirx iżda li għandu jagħti l-frott fix-xhur li ġejjin.”

Bernard Grech kompla li meta jħares lejn dawn it-tliet xhur li għaddew jieħu gost li “rnexxielna nġibu wkoll ċertu serenità fil-Partit Nazzjonalista; serenità fil-Grupp Parlamentari fejn qed issir diskussjoni politika importanti u matura.

Mistoqsi dwar il-bilanċ mal-familja li hi tant għal qalbu, Bernard Grech qal li iva l-ħin mal-familja kellu jonqos, iżda din hi familja ta’ erba’ adulti u “lkoll nifhmu li l-ħajja ma hix dik ta’ karozza ipparkjata x’imkien, iżda hi dik ta’ karozza li dejjem qed itterraq. Hekk ukoll aħna bħala familja l-ħin kollu nterrqu u nġibu ruħna skont l-iżviluppi li nkunu għaddejjin minnhom. Bħal kull familja magħquda, iżda, meta jkollna bżonn nieqfu u nduru ma’ xulxin biex hekk inkunu nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna lil xulxin. Din kienet bidla straordinarja fil-ħajja tiegħi, iżda b’impenn xorta bqajna nsibu l-ħin għal xulxin.”

Mistoqsi dwar id-diskors tal-Baġit li kien preżentat biss ftit tal-jiem wara l-ħatra tiegħu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li x-xogħol għad-diskors tal-Baġit kien ilu bis-sehem ta’ Membri Parlamentari, iżda matul dawk il-ftit jiem li kien fadal biex dan isir, saret ħidma kollettiva kbira minn numru kbir ta’ persuni li flimkien għaqqadna l-forzi tagħna u bnejna dak id-Diskors li kien jagħti viżjoni ‘l quddiem tal-politika tagħna għall-ġid tal-pajjiż.

“Iva, dak id-Diskors kien sfida kbira. Iżda grazzi għall-impenn ta’ kulħadd sar u grazzi għall-impenn tan-nies, l-entużjażmu tan-nies u t-talenti tan-nies, allura tragwardi bħal dan ikunu jistgħu jintlaħqu b’suċċess.”

Mistoqsi kif jiddeskrivi dawn it-tliet xhur issa li jista’ jħares lura lejhom, Bernard Grech qal li hu jħobb jiddeskrivihom bħala learning curve – perjodu ta’ tagħlim u ta’ bini u sfida kontinwa. “Nista’ ngħid li dawn it-tliet xhur kienu wkoll pedament għal dak li rridu nagħmlu fil-futur. Naturalment għadna qed nagħmlu aktar xogħol importanti li jista’ jkun deskritt bħala pedament ukoll.

“Ma hux importanti li wieħed jgħaġġel u jħaffef, iżda hu importanti li wieħed jaħdem bil-għaqal u b’viżjoni u jkun jaf x’inhu jagħmel u fejn irid jasal. Inutli li wieħed jibni b’ħafna għaġġla biex imbagħad jiġġarraf kollox.”

Mistoqsi kemm effettwat il-problema tal-Covid-19 fil-ħidma li kien qiegħed iwettaq, Bernard Grech qal li l-pandemija, xi ftit jew wisq, affettwat lil kulħadd. “Il-Covid-19 irrestrinġietna minn ċerti affarijiet bħal laqgħat ta’ attivitajiet tal-massa. Imma mbagħad tatik l-opportunità li tiltaqa’ ma’ dak li jkun permezz tal-mezzi onlajn.”

Mistoqsi dwar l-entużajażmu tiegħu maż-żgħażagħ, Bernard Grech qal li hu jemmen li ż-żgħażagħ huma l-preżent. “Jekk mhux se nkunu ppreparati mil-lum għal dawk li se jiġu warajna, allura nkunu qed niżbaljaw. Dak li rridu nagħmlu hu li nibnu mil-lum fuq iż-żgħażagħ, iżda nibnu għal għada wkoll fuq iż-żgħażagħ. B’hekk nuru li dan hu Partit li mhux biss irid jiġġedded imma li verament qiegħed jiġġedded u b’mod kontinwu.

“Hu għalhekk li qed nibnu sistema li se tkun qed tiġġedded kontinwament. It-tiġdid ma hux punt ta’ wasla, imma punt ta’ tluq.”

Hawnhekk Bernard Grech tkellem dwar l-istabbilità li hawn attwalment fil-Partit u qal li jinħassu wkoll is-serħan tal-moħħ, is-serenità u l-entużjażmu. “Hawn tama u bla dubju ta’ xejn in-nies qed jaraw fid-direzzjoni li qed jaħdem fiha l-Partit bħala d-direzzjoni li tista’ twassal biex jintlaħqu ċerti tragwardi.

“Naturalment quddiemna għandna numru ta’ sfidi li rridu niffaċċjaw. Fost l-oħrajn għandna l-problema tal-midja li tiddependi mir-reklamar u allura anki l-midja indipendenti qed tħoss din id-diffikultà. Illum l-akbar entità li tagħmel ir-reklamar hu l-Gvern u dan ifisser li l-midja kollha qed tiddependi mill-iffinanzjar tal-Gvern f’termini ta’ reklami li jkun qed jagħmel. Il-midja indipendenti qed tħossha rikkonoxxenti u anki kundizzjonata dwar dan il-finanzjament.

“Madankollu jien nemmen li jekk jirnexxielna nkomplu nkabbru l-entużjażmu, allura l-midja indipendenti ma tkunx tista’ toqgħod lura milli tirrapporta dak li jkun qed jingħad. L-appell tiegħi jibqa’ li l-midja indipendenti tirrapporta dak li nkunu qed ngħidu aħna b’mod fidil u korrett.”

Mistoqsi dwar il-finanzjament tal-Partit, Bernard Grech qal li saru żewġ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li fiċ-ċirkostanzi kienu suċċess. Dawn saru fi żmien disgħin jum mill-ħatra ta’ Kap ġdid. Bla dubju ta’ xejn li din il-ħidma ta’ ġbir ta’ fondi trid tissokta. Il-Partit Nazzjonalista ma hux il-partit li għandu fuqu flejjes bla qies minn sorsi indefiniti. Il-Partit Nazzjonalista se jissokta jiġbor il-flus u dan se jagħmlu permezz ta’ metodi ġodda li se jkun qed iniedi fil-futur qrib.

Hawnhekk tlabt lil Bernard Grech jintepreta numru ta’ dikjarazzjonijiet li għamel matul dawn l-ewwel mitt jum tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, fosthom meta qal li l-poplu Malti għandu jingħaqad bħala poplu. Bernard Grech qal li ma jistax ikun li l-affarijiet ikunu diskussi minn punti di vista differenti. Ma tagħmel sens xejn li jekk ħaġa jgħidha kap ta’ partit allura tkun tajba, iżda jekk jgħidha kap ta’ partit ieħor, allura ma tkunx tajba. Irridu niftħu moħħna u bħala pajjiż għandna bżonn li naraw l-affarijiet b’mod oġġettiv. Hekk biss nistgħu nikbru bħala poplu Malti.

Mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni “nirxuxtaw bħala poplu”, Bernard Grech qal li poplu li jibqa’ ankrat bil-ktajjen partiġjani, allura hu poplu li qed jitlef l-opportunità li jikber u li jsir nazzjon aktar b’saħħtu u aktar indipendenti. Wasal il-mument li dan il-poplu jakkwista l-indipendenza tal-ħsieb mill-ħakma tal-politika partiġjana.

Mistoqsi dwar il-fatt li f’dawn il-mitt jum tkellem spiss dwar il-vulnerabbli u l-batut, Bernard Grech qal li f’pajjiżna għandna nies li ilhom magħluqa fi djarhom għal diversi xhur u mhumiex jaraw lill-familjari tagħhom. Kulħadd għandu lil xi ħadd li ma hux jgħix, iżda qiegħed biss jeżisti. Għandna nies li d-dħul tagħhom mhux ilaħħaq mal-infiq tagħhom. Għandna nies li ma jistgħux iserrħu rasbhom fejn se jkomplu jgħixu minn hawn u ftit xhur oħra. Għandna ħafna nies li qed jgħixu fl-inċertezza.

Mistoqsi dwar it-ton iebes li kellu dwar l-abbuż tal-poter, Bernard Grech qal li hu dejjem emmen li l-poter hu għodda li wieħed ikollu f’idejh u li allura jrid juża’ b’responsabbiltà kbira.

Il-poter hu arma li wieħed ikollu f’idejh u għalhekk min jabbuża minn din l-arma jkun qed jiżbalja tassew għaliex il-poter qiegħed hemm biex ikun għas-servizz tan-nies.

Mistoqsi dwar il-ħatfa tal-istituzzjonijiet, Bernard Grech qal li din hi kwistjoni li kienet u għadha attwali għaliex l-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jaqsmu l-poter flimkien mal-Eżekuttiv. Allura jekk xi ħadd jipprova jaħtafhom, allura jkun qed jagħmel disservizz u ħsara lill-pajjiż.

Dan l-abbuż qatt m’għandu jkun aċċettat u “hu għalhekk li jien għedt ukoll li aħna mhux qed ngħixu f’pajjiż normali. F’pajjiż normali l-poplu m’għandux għalfejn iqum filgħodu u joqgħod jinkwieta dwar il-qagħda politika ta’ pajjiżu. Il-poplu għandu jħares ‘il quddiem, lejn kif se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu u kif jista’ javvanza aktar lill-familja tiegħu u mhux dwar kif għandu istituzzjonijiet li huma maħtufa mill-Istat.

Hawnhekk staqsejt lil Bernard Grech biex jgħidli x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu dwar il-fatt li Robert Abela ma xtaqux li jsir il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Bernard Grech qal li hu “evidenti li Robert Abela fija jara theddida. Jien ma kelli l-ebda dubbju dwar dan u sa mill-bidu nett Robert Abela ma riedx li jien nasal. Illum inħoss responsabbiltà akbar fis-sens li la Robert Abela fija jara theddida, allura naħdem u nistinka akbar biex nasal.”

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Robert Abela, Bernard Grech qal li hu dejjem kellu rispett lejh sa minn meta sar Prim Ministru u ġenwinament nawguralu. “Iżda Robert Abela miegħi mexa bl-aktar mod differenti tant li kien interessat biex jinfluwenza l-proċess li kont għaddej minnu biex insir il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kulħadd jaf ukoll kif ġab ruħu meta ltqajna għall-ewwel darba wara li jien sirt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Jien idejja jibqgħu miftuħa… iżda Robert Abela jaf li jrid ikun matur biżżejjed biex lill-pajjiż nibgħatulu messaġġi biex ikun aħjar milli hu u mhux biex il-partit jew hu, personalment, jew dawk ta’ madwaru jkunu aħjar.”

Mistoqsi dwar l-isfidi li għandu quddiemu bħalissa, Bernard Grech qal li fuq quddiem hemm il-kwistjoni tal-midja biex din twassal il-messaġġ kif għandu jasal. “Sfida oħra hi li niltaqa’ ma’ firxa usa’ ta’ nies. Ġenwinament naħseb li wħud mill-isfidi li kellna għelibnihom, iżda hemm oħrajn li qed niffaċċjaw. Kuljum qed naħdmu biex dawn l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet favur tagħna.”

Bernard Grech temm li l-ħidma kollettiva hi waħda kbira u din għandha twassal biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jikber u jissaħħa biex eventwalment isir gvern alterattiv kif jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi.