Internazzjonali

Stati Uniti: Id-Demokratiċi impenjati bis-sħiħ għat-tieni impeachment ta’ Donald Trump

L-izforzi tal-membri ewlenin tal-Partit Demokratiku biex iwasslu għal tieni proċess ta’ impeachment fil-konfront tal-President Amerikan Donald Trump qed jidhru li qabdu spinta sew fi tmiem il-ġimgħa.

F’każ li l-proċess tal-impeachment isir formalità, dan ikun l-ewwel darba fl-istorja li President tal-Istati Uniti ikollu jiffaċċja tieni impenn għall-impeachment f’mandat wieħed ta’ tmexxija. Għalissa xejn mhu ċert u hemm probabbiltà kbira li l-maġġoranza tar-Repubblikani fil-Gvern iżommu lura milli jikkonfermaw dan il-pass meta Trimp fadallu biss ftit jiem oħra bħala President.

Sadanittant, il-membri Demokratiċi tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington dalwaqt għandhom jintroduċi artikli ta’ impeachment fil-konfront ta’ Trump.  Dan wara li l-President li wasal biex jispiċċa, il-ġimgħa l-oħra, ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex jassedjaw il-bini tal-US Capitol f’Washington – u fejn mietu ħames persuni fost xeni storiċi ta’ vjolenza u kaos fil-kapitali.

L-artikli għall-impeachment – sa tmiem il-ġimgħa – kellhom l-appoġġ ta’ 190 ko-sponsor iżda ma deherx, almenu sal-aħħar sigħat, li dawn l-artikli kellhom ukoll il-firem tar-Repubblikani.

Intant, id-Demokratiċi li qed iressqu l-artikli għamluha ċara li għandhom il-filmati ‘dwar Donald Trump qed jinċita lill-folol għall-vjolenza’ minbarra l-filmati tan-nies qed jattakkaw il-bini tal-Capitol. Huma qalu li l-filmati ftit iħallu wisgħa għal dubju fiċ-ċirkustanzi diffiċli għall-poplu u għall-pajjiż.

Donald Trump, fil-bidu, kien faħħar lill-partitarji li nfexxew fix-xeni ta’ għajb fil-kapitali, iżda hu, wara, ħareġ jikkundanna l-vjolenza permezz ta’ filmat.

Jidher ukoll li Trump ipprova ‘iberred l-irjus’ biss wara li uffiċjali ewlenin kienu ħeġġewh biex jaddotta pożizzjoni aktar konċiljatorja – b’uħud iwissu li hu seta’ jitneħħa mill-Presidenza qabel iż-żmien indikat mill-Kostituzzjoni u fejn anki jispiċċa jġorr ir-responsabbiltà legali għal dak li seħħ f’Washington.

F’każ li jitħejja tassew il-proċess tal-impeachment mill-Kamra tar-Rappreżentanti (immexxi mid-Demokratiċi), Donald Trump ikollu jgħaddi minn speċi ta’ ġuri fis-Senat Amerikan għat-tieni darba fil-Presidenza tiegħu. Fl-ewwel impeachment, Trump ma kienx instab ħati dwar allegazzjonijiet li hu, bl-aġir tiegħu, kien ta theddida għas-sigurtà tal-Istati Uniti.