Futbol Sport

Wirja oħra konvinċenti minn Marsa

Chris Cassar

MARSA ……………………….4
QRENDI ……………………..1

Marsa: N. Vella, P. Chircop, J. Bondin, M. Micallef, J. De Lima, C. Gatt Baldacchino, P. Teixeira Maia, L. Grech, F. Gusman, D. Agius, P. Santos De Azevedo.

Qrendi: C. Abdilla, J. Busuttil, D. Zarb, G. Muscat, A. Nilsson, D. Sammut, A. Agius, S. Perdomo, L.J. Schembri, M. Gatt, C. Camilleri.

Referee: Slawomir Olucha

Marsa kisbu rebħa oħra konvinċenti biex għamlu pass ieħor lejn il-promozzjoni għall-kampjonat Premier wara li telgħu fl-ewwel post. Il-vittmi tagħhom il-bieraħ kienu Qrendi li qatt ma kienu fil-logħba u kienu dominati għal ħinijiet twal.Marsa issa mistennija li jtemmu l-ewwel rawnd fil-quċċata jekk iżommu l-vantaġġ doppju li għandhom fil-logħba kontra St. Andrew’s, logħba li se titkompla nhar l-Erbgħa mit-62 minuta bit-tim ta’ Ivan Zammit fil-vantaġġ 2-0.

Marsa ma setax kellhom bidu aħjar għaliex fir-raba’ minuta kienu fil-vantaġġ meta De Azevedo kellu azzjoni tajba fuq il-lemin u qassam għan-nofs lejn Teixeira Maia li kompla għal ġewwa. Marsa baqgħu jattakkaw u Leighton Grech kellu xutt jgħaddi ftit barra.

Marsa kienu dominanti l-ħin kollu fl-attakk bil-plejer Brażiljan De Azevedo ferm attiv. Hu kellu żewġ xuttijiet b’saħħithom mid-distanza bil-goalkeeper ta’ Qrendi jwieġeb b’żewġ saves tajba. Fis-26 minuta l-istess De Azevedo rċieva ballun fit-tul Mano Micallef u bid-difiża ta’ Qrendi wieqfa dan mattar siequ u għeleb lil Abdilla. Fis-37 minuta azzjoni oħra tajba ta’ Marsa b’Mano Micallef jidħol tajjeb fil-kaxxa u jqassam lejn Gusman li minn qagħda ideali spara għoli. Qrendi f’waħda mill-azzjonijiet rari tagħhom daħlu fil-logħba fl-40 minuta meta kross fit-tul mix-xellug ta’ Camilleri ħasad lid-difiża ta’ Marsa u Alexander Nilsson fuq it-tieni lasta daħal tajjeb u skorja b’daqqa ta’ ras. Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Marsa kabbru l-iskor meta minn azzjoni ta’ freekick kien Gusman li skorja bir-ras mill-viċin. Fis-56 minuta Marsa għamluhom erbgħa meta minn freekick ta’ Grech kien Bondin li bir-ras xeħet fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

SAN ĠWANN …………………3
FGURA U. ………………………0

San Ġwann: C. Formosa, L. Mallia, C. Gauci, P. Kanzurov, S. Kuyper, Z. Bowman, C. Omoruanzoje, C. Gauci, U. Calistus, G. Pace, A. Falzon.

Fgura U: B. Bartolo, J. Stenson, J. Barbara, S. Abela, J.P. Attard, T. Grech, G. Martin, J. Vella, J. Cassar, S. Hili, N. Ojuola.

Referee: Emanuel Grech

San Ġwann saħħew ir-raba’ post fil-klassifika b’rebħa tajba fuq it-tim ta’ Fgura li forsi ma kienx jistħoqqlu telfa daqshekk kbira, anki jekk San Gwann kien jimmerithom dan is-suċċess.

L-ewwel azzjoni kienet ta’ San Gwann b’ġirja tajba ta’ Kanzurov iżda l-konklużjoni tiegħu kienet żbaljata. Risposta ta’ Fgura b’xutt ta’ Gilbert Martin ferm għoli u xutt ieħor ta’ Jean Paul Attard salvat minn Formosa. Fit-13-il minuta azzjoni tajba bejn Kanzurov u Kuyper bix-xutt tal-Olandiż salvat minn Bartolo. Sitt minuti wara Gilbert Martin minn tarf il-kaxxa kellu xutt bid-dawra salvat b’diffikulta minn Formosa.

Fil-25 minuta San Gwann fetħu l-iskor meta Luca Mallia rċieva ballun fil-kaxxa u kompla lejn Calistus li żmarkat quddiem Bartolo ma żbaljax. L-istess goalkeeper ta’ Fgura Bartolo kellu jħalli postu ftit minuti wara peress li baqa’ mweġġa’ wara daħla goffa ta’ Omoruanzoje wara azzjoni ta’ korner. Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima xutt sabiħ ta’ Attard u Formosa salva b’titjira sabiħa. Minuta wara kien il-goalkeeper Moore li salva li sħabu meta mattar siequ biex salva xutt minn taħtu ta’ Kuyper.

Fis-56 minuta daqqa ta’ ras ta’ Calistus taħbat ma’ id Barbara, bir-referee jordna l-penalty li minnu Clifford Gauci skorja b’xutt fil-baxx. Fis-60 minuta Nanapere żmarka lil Martin iżda kien imċaħħad minn Formosa.
Kwarta mit-tmiem tingħalaq definitivament il-logħba meta minn azzjoni ta’ korner kien Christian Gauci li skorja b’daqqa ta’ ras.

BOV CHALLENGE LEAGUE
Ilbieraħ: St. Andrews v Mqabba 4-0, Żebbuġ R. v Marsaxlokk 2-2 Illum: San Ġwann v Fgura U. 3-0, Marsa v Qrendi 4-1 Għada: Swieqi U. v Vittoriosa S. 5.00pm, Qormi v St. George’s 9.00pm, Pietà H. v Naxxar L. 9.15pm