Lokali

“Aġir inaċċettabbli tal-gvern” – Repubblika

It-tabib Kenneth Grech

Permezz ta’ stqarrija Repubblika ingħaqdet mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija u mal-Malta Union of Teachers biex turi x-xokk u n-nuqqas ta’ qbil tagħha għat-tneħħija tal-Konsulent u Lettur Dottor Kenneth Grech minn koordinator tat-tim tal-COVID-19.

“Hu inaċċettabbli li profesjonist mediku jitwarrab għaliex ikun ta parir skond il-kuxjenza tiegħu u skond il-ġurament tiegħu ta’ tabib. Dan kien proprju d-dmir ta’ Dottor Grech u mhux raġuni biex jitkeċċa.”

Intqal li dan il-pass jiddemoralizza u jwassal messaġġ ħażin ħafna lill-professjonisti mediċi kollha, u ċioe’ li għandhom ipoġġu r-rieda tal-gvern qabel il-ġurament li ħadu li jħarsu saħħet il-pubbliku.

Repubblika qalu li l-gvern għandu mingħajr dewmien jagħti lill-pubbliku spjegazzjoni ċara tal-komportament tiegħu f’dan ir-rigward.

Repubblika qalet li tirringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom b’sagrifiċju biex pajjiżna jaffaċċja l-pandemija bl-anqas telf possibbli ta’ ħajjiet u tagħmlilhom kuraġġ biex ikomplu f’dan l-impenn tagħhom.