Futbol Sport

Ara Replay tal-bieraħ – L-ewwel post ta’ Ħamrun, ir-ritorn għar-rebħ ta’ Balzan, il-mument diffiċli ta’ Senglea u aktar fuq l-aġenda ta’ Replay

Ir-rebħa ta’ Ħamrun Spartans kontra Mosta, u li fissret li l-iskwadra ta’ Mark Buttigieg issa tinsab waħedha fl-ewwel post tal-klassifika, kienet il-qofol tad-diskussjoni fil-programm ta’ diskussjoni tal-Ħadd filgħaxija, Replay li xxandar il-bieraħ fuq Net Television u l-paġna ta’ Replay fuq Facebook. Ħamrun rebħu 3-1 u eżatt wara l-partita, fl-istudio ta’ Replay, kien hemm bħala mistieden id-Direttur Tekniku ta’ Mosta, Mario Muscat li tkellem dwar il-prestazzjoni u r-riżultat tal-partita. Tkellem ukoll, b’kollegament telefoniku, ftit ħin biss wara t-tmiem tal-partita, il-kowċ Ħamruniż Buttigieg.

Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef u l-parteċipazzjoni ta’ kull ġimgħa, tal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana, fil-programm tal-bieraħ tkelmu b’kollegament awdjo-viżwali, il-kowċ ta’ Santa Lucia Oliver Spiteri, u l-assistant kowċ ta’ Birkirkara, Jonathan Holland. Santa Lucia u Birkirkara temmew fi dro ta’ mingħajr gowls hekk kif iż-żewġ timijiet preżentament jinsabu għaddejin minn mument tajjeb fil-Kampjonat Premier.

Replay tal-bieraħ il-Ħadd iddiskuta ukoll is-sitwazzjoni preżenti u xejn sabiħa ta’ Senglea Athletic, li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika u għadhom ma rebħux partita waħda. Matul il-programm tal-bieraħ, intervjena l-President tal-klabb, in-Nutar Reuben Debono li tkellem fil-miftuħ dwar iċ-ċirkostanzi preżenti tal-iskwadra u tal-klabb, wara li nhar is-Sibt li għadda, Senglea tilfu 3-1 kontra Hibernians; b’dawn tal-aħħar issa jinsabu fit-tieni post, b’żewġ punti biss taħt Ħamrun.

Nhar is-Sibt li għadda, f’match day 15 tal-Kampjonat Premier, Balzan irritornaw jirbħu wara għaxar patiti konsekuttivi li fihom ma rebħux partita. Huma għelbu lil Sirens b’gowl waħdini. Dwar din ir-rebħa, Micallef tkellem mal-kowċ ta’ Balzan, Mark Miller f’kollegament ieħor awdjo-viżiv waqt Replay. Il-kowċ Brittaniku ta l-analiżi tiegħu għas-sitwazzjoni preżenti tat-tim li jmexxi u esprima ottimiżmu fit-tkomplija ta’ aktar riżultati minn Balzan f’dan il-Kampjonat.

Lejn l-aħħar tal-programm, kien hemm intervent ieħor dirett u simultanju ma’ żewġ plejers minn żewġ klabbs differenti tal-Kampjonat Premier, li bħalissa jinsabu fi kwarantina; il-gowlkiper internazzjonali Malti u ta’ Valletta, Henry Bonello u l-midfielder veteran ta’ Lija Athletic, Beppe Antignolo. F’intervent b’differenza, ma’ dawn it-tnejn, Micallef tkellem magħhom dwar kif qed jgħixu l-jiem tal-kwarantina u x’qed jagħmlu biex xorta waħda jibqgħu fiżikament tajba f’dan il-perjodu ta’ iżolament.

Waqt dan il-programm intwerew ukoll il-gowls mill-National Challenge League u tal-ewwel u t-tieni diviżjoni f’Għawdex.

Biex tara dan il-programm agħfas hawn.

Tista’ ukoll tara l-programm Replay Live Score li jixxandar qabel Net News tas-7:30pm, kull nhar ta’ Ħadd, billi tagħfas hawn.