Internazzjonali

Covid-19: L-Ingilterra qed tistenna l-agħar tal-virus

Il-Professur Chris Whitty, bħala l-uffiċjal mediku ewlieni tal-Ingilterra, wissa li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu ‘l-agħar perjodu tal-pandemija’ għan-National Health Service tal-pajjiż. Whitty qal ukoll li l-poplu jrid jaħseb biex, akkost ta’ kollox, isegwi u jirrispetti r-regoli għas-sigurtà għal kontra l-firxa tal-Covid-19 għaliex dan l-impenn ‘hu aktar importanti mill-issikkar tar-regoli’.

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson li qal li l-agħar ħaġa li tista’ sseħħ hi jekk in-nies jibdew jillaxkaw fl-attitudni lejn il-coronavirus fi żmien meta rrankaw il-programmi tat-tilqim fl-Ingilterra.

Johnson qed jinkwieta li n-nies qed irawwmu ‘sens ta’ kunfidenza żejda’ u li dan żgur li mhux xieraq meta wieħed jiftakar li l-isptarijiet qegħdin jaħdmu taħt piż straordinarju biex iwieġbu għall-isfida tal-pandemija.

Boris Johnson sostna li fil-pajjiż laħqu ngħataw 2.4 miljun tilqima.

Dan waqt li fl-Ingilterra fetħu seba’ ċentri ‘għat-tilqim tal-massa’, bl-awtoritajiet qed jaħsbu biex jiftħu aktar siti simili, ‘il quddiem fil-ġimgħa.

L-awtoritajiet, fosthom Nadhim Zahawi, bħala l-Ministru responsabbli mill-programmi tat-tilqim, qalu li ċ-ċentri inkwistjoni jistgħu jibqgħu miftuħin għal 24 siegħa kuljum f’każ li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 taqleb għall-agħar.

Fil-fatt, l-infezzjonijiet bil-Covid-19 fl-Ingilterra irrankaw fl-aħħar sigħat, bit-tobba fi sptar ta’ Essex jgħidu li l-provvisti tal-ossiġnu fil-kumpless kienu spiċċaw ‘f’livell kritiku’ minħabba l-każi tal-Covid-19 u l-ħtieġa qed tikber għall-ventilaturi għall-pazjenti.

Sadanittant, il-kumpanija Ġermaniża BioNTech – li, flimkien mal-kumpanija Amerikana Pfizer produċiet l-ewwel vaċċin kontra l-Covid-19 li kien approvat mir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea – qed tistenna li tipproduċi maż-żewġ biljun doża din is-sena.

Fl-istess ħin, il-varjant ġdid tal-Covid-19 li kien indikat ġimgħat ilu fir-Renju Unit qed jinfirex malajr fir-Repubblika tal-Irlanda – bil-varjant, issa, ikun indikat fi kważi nofs l-infezzjonijiet ġodda li qed ifeġġu f’dak il-pajjiż.

Il-kriżi tal-infezzjonijiet, intant, għadha akuta fil-Belġju meta l-awtoritajiet mediċi fil-kapitali Brussell irreferew għal żieda sinifikanti tal-każi tal-coronavirus mill-aħħar ta’ Diċembru ‘il hawn.

Rapporti miċ-Ċina qalu li ‘il fuq minn miljun persuna fil-kapitali Beijing laħqu tlaqqmu kontra l-Covid-19 mill-bidu tas-sena. Iċ-Ċina tat l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza lit-tilqima ta’ Sinopharm u l-aħbar dwar ‘il-miljun tilqima’ ħarġet waqt li ċ-Ċina kienet qed tħabbar l-ogħla numru ta’ każi tal-Covid-19 għal kuljum, f’dawn l-aħħar ħames xhur.