Lokali

“Deċiżjonijiet żbaljati meħuda bl-addoċċ minn politiċi bbażati fuq populiżmu” – MAM

“Il-MAM pubblikament tesprimi d-diżappunt tagħha għal deċiżjonijiet żbaljati meħuda bl-addoċċ minn politiċi. Deċiżjonijiet ibbażati fuq populiżmu minflok fuq il-parir ta’ esperti mediċi. Deċiżjonijiet li wasslu għas-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19 f’pajjiżna.”

Hekk saħqet, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li fi stqarrija kkundannat mingħajr riserva t-tneħħija tal-konsulent tas-saħħa pubblika responsabbli għall-koordinazzjoni tar-rispons għall-COVID. Konsulent li kellu l-kuraġġ jirrakkomanda kawtela dwar il-konsegwenzi li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel.

Il-MAM se tiltaqa’ llejla biex tevalwa s-sitwazzjoni u tiddeċiedi x’passi se jittieħdu għal dan l-episodju li t-tobba qed isejħulu bħala wieħed ta’ intimidazzjoni.

L-istqarrija kompliet tgħid li “avveniment għall-anzjani f’San Gwann, kunċert tal-mużika fil-Belt Valletta, l-avvenimenti kollha ta’ lejliet l-ewwel tas-sena f’ħafna ristoranti, u bosta parties privati ​​f’Għawdex, flimkien ma’ messaġġi mħallta min-naħa tal-gvern ikkawżaw in-numri li qed jisparaw ‘il fuq… minn medja ta’ 50 każ kuljum għal madwar 200 każ kuljum li qed ikollna issa.”

It-tobba saħqu li titjiriet regolari lejn ir-Renju Unit qed jibqgħu joperaw minkejja t-talbiet tal-esperti li jgħidu l-kontra. Il-MAM qalet li hija konxja li numru ta’ każijiet pożittivi ġodda li kellna fl-aħħar ġimgħat kienu ta’ nies li waslu mir-Renju Unit. Filfatt huma talbu għal analiżi serja tal-varjant il-ġdid tal-Coronavirus.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-Gvern għandu jkompli jappoġġja finanzjarjament l-industrija tat-turiżmu, AKTAR milli jivvinta avvenimenti li jitfgħu lin-nies f’riskju, u jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-industrija. It-tobba qalu li huma biss “nies li mhux f’sensihom li jikkunsidraw joħorġu vouchers f’dan l-istadju tal-pandemija.. Każ klassiku ta’ tara sa mnieħrek.”

Il-MAM fakkret lill-gvern li b’numri ‘l fuq minn 100 kuljum, hemm bżonn qawwi li t-taqsima tal-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei u s-swali Mediċi jkunu kapaċi jlaħħqu mal-pazjenti filwaqt li immedjatament għandhom jiddaħlu miżuri biex jitnaqqsu n-numri.

L-Assoċazzjoni waslet messaġġ dirett lill-Gvern fejn saħqet li għandu jagħmel kull sforz possibbli biex ikunu salvati l-ħajjiet… għax s’issa diġa kellna ħafna fatalitajiet.