Lokali

“Flimkien nibnu PN b’saħħtu, b’paġna ġdida għal pajjiżna” – Bernard Grech

“Flimkien nistgħu niktbu l-istorja”. Hekk tenna l-Kap tal-PN Bernard Grech tul intervista li saritlu minn Robert Cremona fil-programm speċjali ta’ Net Live f’għeluq il-100 jum ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-PN.

Dwar l-istħarriġ ippubblikat mill-MaltaToday, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għalih dan għamillu kuraġġ, għalkemm konxju li l-Partit fadallu biex jasal. Spjega li rridu nibqgħu saqajna mal-art. Il-Kap tal-PN tenna li hu mhux biss kunfidenti, iżda fiduċjuż għax jaf li l-poplu jrid politiċi li jgħidulu l-verità.

Il-Kap tal-PN qal li l-pass li jmiss fil-proċess tat-tiġdid huwa pass dejjiemi li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiġġenera ruħu ta’ kuljum. Huwa qal li Partit Nazzjonalista dejjem irid ifittex li jtejjeb, li jara kull mezz biex jħares lil kulħadd, liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

“Investiment fiż-żgħażagħ tagħna, investiment f’demm ġdid għax il-Partit irid jiġġedded b’ideat tajba, u jkompli jibni mal-ideat tajba li diġà hemm”

Bernard Grech tenna li l-Partit immexxi minnu jrid jieħu ħsieb saħħet in-nies biex għada naqtgħu l-frott tas-sagrifiċċji li qed nagħmlu llum. Dan anke fid-dawl tal-mod kif pajjiżna qed jiffaċċja l-imxija tal-Coronavirus.

Huwa appella biex il-Gvern ma jibqax jidħaq bin-nies, saqsa għaliex l-awtoritajiet għadhom ma qasmux kwart mid-doża tat-tilqim tal-Covid li hawn f’Malta.

“Dan il-poplu jrid politiċi maturi, biex nagħmlu l-aħjar possibbli għal pajjiżna, f’kull settur, speċjalment f’dak tas-saħħa”

Dwar Għawdex il-Kap tal-PN qal li ltaqa’ ma’ numru ta’ oqsma u entitajiet li jinsabu fuq din il-gżira. Huwa qal li l-PN se jibqa’ jiltaqa’ mal-Għawdxin, jisma’ l-problemi, u jindirizzahom permezz tal-proposti tiegħu fil-Programm Elettorali.

Mal-Grupp Parlamentari il-Kap tal-PN s’issa ltaqa’ 9 darbiet, fejn qal li f’kull laqgħa kien hemm opportunità li jissaħħaħ ir-rapport tal-Membri kollha.

Il-Kap tal-PN qal li fl-aħħar xhur il-Partit approva kważi 70 kandidat ġdid, u permezz t’hekk qed jissaħħaħ il-kuntatt dirett man-nies, mal-poplu li jrid jara ‘l-Partit Nazzjonalista bħala l-għażla naturali tiegħu.

Dwar l-istazzjonijiet politiċi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li f’pajjiż ideali, ma jkunx hemm bżonn stazzjonijiet politiċi għax ikollok Xandir Nazzjonali bilanċjat, nafu li f’pajjiżna dan mhux il-każ. Hu għalhekk li se jkompli jara li l-istazzjonijiet NET ikomplu jissaħħu ħalli jkomplu jservu bħala l-vuċijiet tal-Partit.