Internazzjonali

Il-maltemp fi Spanja: Ġlieda mal-ħin biex inaddfu l-borra fost it-temperaturi ta’ friża

L-awtoritajiet fi Spanja, fl-aħħar sigħat, kienu għaddejjin bi ġlieda mal-ħin biex inaddfu l-borra mit-toroq, bil-għan li jgħinu t-trasport tal-ikel u l-mediċini kontra l-Covid-19 lejn l-agħar zoni affettwati mill-Maltempata mlaqqma ‘Filomena’.

Dan wara li, fi tmiem il-ġimgħa, niżlet madwar 50 ċentimetru ta’ borra fuq Madrid, il-kapitali Spanjola, li hi wkoll fost l-aktar bnadi li ġarrbu l-qilla tal-maltemp. Mietu talanqas erba’ persuni b’kaġun tal-elementi, bl-eluf ta’ passiġġieri jibqgħu iżolati huma u jistennew għal kundizzjonijiet aktar favorevoli biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw.

It-temperaturi – bejn il-Ħadd u t-Tnejn – niżlu sa erba’ gradi taħt iz-zero f’diversi bnadi ta’ Spanja, bil-meteoroloġisti jwissu lill-pubbliku dwar il-periklu ta’ sitwazzjoni ‘fejn il-borra fit-toroq kienet qed tinbidel f’silġ’.

Il-mewġa tal-kesħa straordinarja fil-Penisola Iberjana mistennija tibqa’ sa nhar il-Ħamis u l-Gvern Spanjol, fl-aħħar sigħat, bagħat stakkamenti ta’ suldati biex inaddfu uħud mill-arterji prinċipali mill-borra u s-silġ.

L-awtoritajiet bagħtu wkoll it-trakkijiet b’xi 3,500 tunnellata ta’ melħ bil-għan li jdewwbu l-medda tas-silġ li qed tkopri l-kapitali u l-madwar.

Intant, mijiet ta’ persuni madwar ir-reġjun ta’ Madrid kellhom iqattgħu l-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn fil-mezzi għall-kenn temporanji – inklużi ċentri sportivi – wara li huma ma setgħu jmorru mkien minħabba l-inżul kontinwu tal-borra.