Lokali Qorti

Il-pandemija terġa’ tipposponi l-ġuri tas-Serb mixli bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti

Minn informazzjoni li kiseb Net News, il-ġuri tas-Serb mixli bil-qtil tan-negozjant Hugo Chetcuti ġie pospost għat-tieni darba u tpoġġa sine-die. Wara li kien ġie pospost f’April li għadda, l-ġuri kellu jibda jinstema’ bħal lum 15-il ġurnata, nhar it-Tnejn 25 ta’ Jannar, iżda minħabba l-pandemija tal-Covid-19 dan reġa ġie pospost.

Is-Serb Bojan Cmelik qed jiġi akkużat li fis-sajf tal-2018 qatel lil Hugo Chetcuti, l-intraprenditur magħruf li kellu 52 sena. Għall-ewwel kien qed jiġi antiċipat li Cmelik ta’ 36 sena, jibda’ għaddej ġuri f’Marzu li għadda, iżda dan ma seħħx minħabba li kien għad baqa’ xi xogħol legali relatat ma’ dan l-omiċidju.

Għaldaqstant l-avukati u l-familjari tal-vittma għadhom qed jistennew data ġdida għall-proċess kontra r-raġel akkużat bil-qtil ta’ wieħed mill-aktar imprendituri magħrufa f’Malta.

L-Avukat tal-parte civile Joe Giglio qal lil Net News li wara li inizjalment kien ġie stabbilit proċess għal April, u li dan ma sarx minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, li ittardjaw is-smigħ, issa reġa’ ġara l-istess.

Il-ġuri huwa appuntat biex jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima li ovvjament trid tkun hi li tiffissa data għall-proċess u dan isir biss meta l-pandemija tkun qed tbatti sew u ma jkunx hemm periklu għal ħadd.

Dan peress li ġuri jinvolvi ħafna nies li jinkludu 12-il ġurat bis-supplenti b’kollox, id-difiża, l-prosekuzzjoni u l-parte-civile, barra ħaddiema tal-Qorti li jinkludu deputati, marixxalli, messaġġiera, skrivani, xufiera u d-diversi xhieda li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-każ.

Chetcuti kien miet l-isptar wara li allegatament inqatel minn Cmelik, eks impjegat tal-Grupp Hugo’s, f’Paceville, f’Lulju 2018. Minkejja li kien ħarġu ħafna xnigħat għadu ma ġiex stabbilit l-ebda motiv għall-qtil.

Fis-7 ta’ Lulju 2018, Hugo Chetcuti stieden lill-qraba u l-managers tiegħu biex jittestjaw il-menu ta’ restorant ġdid li kellu jispeċjaliżża fuq il-frott tal-baħar. Ir-restorant ġdid kien se jiftaħ fuq it-taraġ ta’ Paceville.

Għall-ħabta tal-10.00pm. Chetcuti ħareġ għal sigarett, flimkien ma’ ħuh Isaac, oħtu Sheryl, il-gwardjan tas-sigurtà tiegħu James Farrugia u l-Maniġer tal-proġett ta’ Hugo’s Group – Simon Attard. Oħt Chetcuti u l-gwardjan kienu telqu biex iżuru stabbiliment fil-qrib.

Il-mument tal-qtil
Kien f’dan il-mument li Cmelik, liebes kappell tat-tiben, avviċina lil Hugo Chetcuti, li kien bilqiegħda fuq banketta, u għajjat ​​ismu. Chetcuti qabad lis-Serb minn driegħu biex jgħannqu, iżda allegatament l-akkużat minn wara daħħal idu ma’ għonq l-imprenditur, u allegatament tah żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku u ħarab.

Eventwalment l-akkużat inqabad f’Tas-Sliema u kien hemm xnigħat li l-qtil kien wieħed premeditat. Cmelik qed iwieġeb mhux ħati u baqa’ jirrifjuta li jagħti lill-Pulizija raġuni għaliex ta daqqiet ta’ sikkina lil Chetcuti.

Jingħad li l-isem veru tar-raġel kien Bojan Mitić u li kien spiċċa l-ħabs fis-Serbja għar-rwol tiegħu f’serqa bl-armi fuq vann f’Belgrad fl-2005. Sadanittant kien it-12 ta’ Lulju li Chetcuti tilef il-battalja mal-mewt. Huwa kien miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei għall-ħabta tad- 9.00pm.

Minkejja li huwa dejjem kien dejjem fil-periklu tal-mewt, għal xi ħin il-qagħda tiegħu kienet waħda stabbli. Huwa kien ġie operat darbtejn u dan wara li l-kundizzjoni tiegħu kienet qalbet għall-agħar.

L-isforzi li saru mit-tobba u paramediċi biex jaqleb għall-aħjar sfortunatament sfumaw fix-xejn. Huwa kien miet kaġun ta’infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara t-tieni operazzjoni li saritlu.

Waqt il-ġbir tal-provi, fil-Qorti kien ntwera wkoll filmat tas-CCTV mill-istabbiliment Bar Native fejn l-aggressur jidher tiela’ t-taraġ ta’ Santa Rita f’Paceville. Fil-filmat, Hugo jidher bilqegħda dahru lejn il-kamera u s-suspettat jidher javviċinah, jattakkah b’sikkina u jaħrab minn fuq il-post.

L-espert forensiku Dr Mario Scerri kien fiehem lill-Qorti kif huwa kien eżamina l-feriti li kellu l-vittma kif ukoll dawk tal-akkużat. Huwa qal li s-sikkina li nstabet fil-pocket li kellu fuqu l-akkużat kellha xafra twila 16-il ċentimetru.

Hu kien eżamina wkoll lill-akkużat u minbarra xi feriti li kienu ilhom fuqu, instab li kellu wkoll feriti oħra li kien għamel lilu nnifsu, li Cmelik stqarr li dawn kienu saru waqt li kien fil-ħabs. Għat-testijiet dwar jekk kienx taħt l-effett tad-droga, kollox kien irriżulta fin-negattiv. Dwar il-feriti ta’ Hugo, Dr Scerri kien xehed li s-sikkina daħlet minn direzzjoni u ħarġet minn oħra.

Waqa’ f’koma
Skond Scerri, l-kundizzjoni tiegħu baqgħet qatt ma qalbet għall-aħjar anke wara t-tieni operazzjoni tant li Chetcuti waqa’ f’koma, ħakmitu nfezzjoni bil-kundizzjoni tiegħu tibqa’ sejjer dejjem lura.

Hugo Chetcuti huwa mfakkar mhux biss għas-suċċessi tiegħu fin-negozju iżda għall-karità tiegħu. Ftit tal-jiem qabel l-inċident kien offra l-għajnuna tiegħu għas-sorijiet tal-Ursolini fejn fi żjara li għamel fil-kunvent tagħhom f’Tas-Sliema huwa ra l-ħidma tas-sorijiet u offra li jgħinhom fil-proġetti tagħhom fosthom fil-pool u fl-air conditioners fil-kmamar tat-tfal u tal-logħob.

Chetcuti, li trabba Raħal Ġdid kien jimpjega mijiet ta’ persuni grazzi għall-katina ta’ stabbilimenti tad-divertiment, ristoranti u lukandi li kollha kienu jġibu ismu stess – Hugo. Chetcuti kien beda n-negozju tiegħu fit-tmeninijiet, bil-ftuħ tal-ewwel stabbiliment tiegħu ‘Footloose’ f’Paceville.

Maż-żmien huwa kompla jiftaħ iktar stabbilimenti mhux biss tad-divertiment, iżda wkoll kien pijunier fl-industrija tal-ospitalità f’Malta. Kien bena din il-katina ta’ stabbilimenti bl-appoġġ ta’ ħutu Sheryl u Isaac, kif ukoll ibnu Luke, li baqa’ miexi fuq il-passi ta’ missieru.

L-Avukat Joseph Giglio qed jidher bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni fi’dan il-każ kienet tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant. L-akkużat qed jiġi difiż mill-Avukat Joe Brincat. Cmelik kien jgħix ma ħuh f’Tal-Pietà u kien impjegat f’Bacco u Hugo’s Terrace.