Internazzjonali

Indoneżja: Tfittxija għall-kaxxi s-suwed tal-ajruplan imġarraf

Il-qawwiet tal-baħar Indoneżjani ħarġu filmati tal-bugħaddasa qegħdin ifittxu qalb il-fdalijiet ta’ ajruplan tal-passiġġieri li, fi tmiem il-ġimgħa, iġġarraf fil-baħar fost ċirkustanzi misterjużi. Dan meta t-tfittxija intensiva, fl-aħħar sigħat, ikkonċentrat fuq zona fejn, qabel, kienu indikati xi ‘sinjali’ mill-kaxxi s-suwed tal-ajruplan Boeing 737 tal-linja Sriwijaya.

L-ajruplan inkwistjoni, nhar is-Sibt, kien beda vjaġġ minn Jakarta lejn il-gżira ta’ Borneo u wara ftit minuti biss sparixxa minn fuq ir-radar. Fuq l-ajruplan kien hemm 62 persuna, inklużi membri tal-ekwipaġġ u l-awtoritajiet, issa, qatgħu qalbhom li jistgħu jsibu xi ħajjin fost dawn in-nies.

L-iskwadri tas-salvataġġ diġà tellgħu xi fdalijiet umani u partijiet tal-ajruplan mill-baħar u issa qed tingħata urġenza massima lit-tfittxija għall-kaxxi s-suwed (flight recorders) tal-Boeing.

L-uffiċjali, fil-fatt, enfasizzaw l-urġenza tal-missjoni u rreferew għaliha bħala ‘waħda li mgħandhiex tieqaf’. Huma sostnew li ‘mhuma qed iżommu lura minn xejn biex jirkupraw il-vittmi tal-ajruplan mill-aktar fis possibbli’.

Dan meta xi 2,600 membru tal-iskwadri tas-salvataġġ kienu qed jieħdu sehem fis-search operation u fejn kienu qed jingħataw l-appoġġ minn għexieren ta’ bastimenti, dgħajjes u ħelikopters.

Issemmiet ukoll il-possibbiltà li l-ajruplan – li kien ilu jagħti servizz għal 26 sena — inqasam f’diversi biċċiet bl-impatt mal-baħar.

Il-linja Sriwijaya Air, li twaqqfet fl-2003, hi kumpanija lokali ‘low cost’ li topera l-vjaġġi lejn id-destinazzjonijiet fl-Indoneżja u zoni Asjatiċi oħra lejn ix-Xlokk.