Lokali Qorti

Jerġa’ jitressaq fuq droga u jinżamm arrestat

Afrikan ta’ 21 sena li f’Ottubru tal-2019 kien tressaq il-Qorti fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga reġa’ ġie mixli b’reati simili quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Dawda Ceesay ta’ 21 sena mill-Gambja ġie mixli li nhar is-Sibt li għadda kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u kannabis.

Ceesay, li ma ngħatax il-libertà proviżorja ġie arrestat wara l-11.00pm f’San Ġiljan u mixli li d-droga li nstabet fil-pusses tiegħu f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li kkommetta dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru ta’ skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Iż-żagħżugħ ġie mixli wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fit-2 ta’ Lulju li għadda bil-Prosekuzzjoni titlob lill-Qorti sabiex id-depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 bħala garanzija personali jgħaddu favur il-Gvern.

L-Avukat Dunstan Camilleri li deher għal Ceesay għamel talba għal libertà proviżorja tal-akkuat bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Grech toġġezzjona minħabba l-fatt li dan kiser ordni tal-Qorti.

Meta l-Qorti staqsiet x’rabtiet huwa għandu ma’ Malta u jekk jaħdimx, Ceesay qal li ma jaħdimx u li miegħu Malta hawn jgħix ħuh li jaħdem Popeye Village.

Huwa ammetta wkoll li kien barra u li kien qed jisker ordni tal-Qorti. Fid-dawl ta’ dan kollu ġiet miċħuda t-talba għal libertà proviżorja. Meta kien tressaq sena u tliet xhur ilu Ceesay kien jgħix f’residenza f’Ħal Qormi filwaqt li issa kien qed joqgħod Santa Venera.