Internazzjonali

Jinstabu partijiet mill-ajruplan u numru ta’ katavri

Ritratt: Reuters

Filmati li qed joħorġu mill-Indonesja juru numru kbir ta’ għaddasa li qed ifittxu fit-tifrik tal-ajruplan tal-passiġġieri li ġġarraf fil-baħar fi tmiem il-ġimgħa.

Il-Boeing 737 ta’ Sriwijaya Air telaq minn Jakarta bi 62 persuna abbord, iżda spiċċa sparixxa minn fuq ir-radar fi triqtu lejn il-gżira ta’ Borneo nhar is-Sibt.

It-timijiet tat-tfittxija diġà sabu partijiet tal-ajruplan u fdalijiet umani fil-baħar. Il-kaxxa s-sewda tal-ajruplan kienet fost il-fdalijiet li ttellgħu mill-baħar iżda għad trid tiġi rkuprata d-data minnha.

Uffiċjali li qed jiffurmaw parti mit-tfittxija intesiva li għadha għaddejja bħalissa enfesizzaw li din hija operazzjoni ta’ 24 siegħa. Filfatt bħalissa hemm madwar 2,600 persuna involuti fl-operazzjoni, flimkien ma’ għexieren ta’ dgħajjes u ħelikopters, li qed jiġbru partijiet tal-ġisem, tifrik u ħwejjeġ tal-passiġġieri minn ilmijiet fondi madwar 23 metru. Hemm ukoll aktar minn 50 vapur involuti fit-tfittxija għat-tifrik tat-titjira SJ182, flimkien ma’ 13-il ajruplan.