Coronavirus Lokali

“Konferma tal-arroganza ta’ Robert Abela”

Il-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr illi l-avvenimenti tal-aħħar sigħat jikkonfermaw l-arroganza li qed jimxi biha l-Prim Ministru Robert Abela.

“It-tneħħija ta’ konsulent fis-saħħa pubblika, sempliċiment għax ma jaqbilx ma Prim Ministru, hu ta’ detriment għalina lkoll”, qal Bernard Grech f’messaġġ ippubblikat fuq il-media soċjali.

Fi stqarrija l-PN qal li llum għandna konferma oħra tal-arroganza ta’ Robert Abela wara li ddeċieda illi jitneħħa konsulent ewlieni tas-saħħa pubblika għaliex ma qabilx ma’ dak li ddeċieda hu minn jeddu.

“Ma jistax ikollna Prim Ministru li jibqa’ jiddeċiedi kollox waħdu mingħajr ma jqis x’inhuma l-effetti tad-deċiżjonijiet tiegħu, li f’dan il-każ huma importanti għas-saħħa pubblika ta’ pajjiżna”

Il-PN qal li din id-deċiżjoni tikkonferma b’ċertezza li Robert Abela kellu l-parir tal-esperti mediċi li ma jiftaħx l-iskejjel mill-ewwel għaliex dan seta’ jkun ta’ detriment kbir għas-saħħa ta’ uliedna, tal-edukaturi u l-għalliema, tal-amministrazzjonijiet tal-iskejjel kif ukoll tal-familji tagħna.

Il-kelliem tal-PN Clyde Puli minn naħa tiegħu stqarr li l-Gvern b’din l-azzjoni qed jagħmel sarima ma ħalq l-esperti. “Ħasbuna l-Komunisti ta’ Pyongyang”, stqarr il-kelliem għall-Edukazzjoni.

Ara video fil-link.

https://www.facebook.com/bernardgrechmt/posts/1051550662022905
https://fb.watch/2X_i3lgdgV/