Lokali Qorti

Minn seba’ snin ħabs għal probation fuq serq minn pompi tal-petrol u vetturi

Il-Qorti tal-Appell Kriminali bidlet sentenza ta’ seba’ snin ħabs għal waħda ta’ probation fil-konfront ta’ Matthew Portelli ta’ 33 sena minn San Ġwann. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef bidlet is-sentenza fil-konfront ta’ Portelli tli fl-2019 kien instab ħati ta’ diversi serqiet minn pompi tal-petrol u vetturi.

Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati huwa kien ġie mixli bi 31 akkuża, li fuq tlieta minnhom dejjem qal li huwa nnoċenti. Kien ammetta sensiela ta’ serqiet f’temp ta’ tliet xhur meta flimkien ma’ żewġ persuni oħra kien ammetta 28 akkuża b’rabta ma’ serq u attentat ta’ serq u żewġ akkużi oħra li kien kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u li kien reċediv.

Huwa kien instab ħati wkoll fuq tkissir ta’ vann u karozza, serq ta’ għodda u pjanċi ta’ vetturi, serq minn ħames pompi tal-petrol u attentat ta’ serq minn tliet pompi tal-petrol oħra.

Il-pompi tal-petrol li kienu l-vittmi jinsabu f’Santa Venera, tnejn fil-Marsa, San Ġiljan, Ħ’Attard, Mellieħa, Ħal Għargħur u Gżira. Dawn is-serqiet seħħew kollha bejn Settembru u Novembru, 2011.

Il-Qorti tal-Appell bidlet is-sentenza wara li semgħet kif Portelli rriforma ħajtu u minn dak iż-żmien li wettaq ir-reati ‘l hawn għaraf jitbiegħed mill-ħajja kriminali.

Il-Qorti qalet li ma tistax tinjora r-rapporti li ġew ippreżentati minn professjonisti li ħadmu mal-appellant u li qed jirrakkomandaw li ma jintbagħatx il-ħabs biex ma jitlifx dak kollu li kiseb fl-aħħar snin.

Kine għalhekk li l-Qorti tal-Appell biddlet is-sentenza għal probation, iżda bil-kundizzjoni li Portelli jibqa’ taħt is-sorveljanza tal-Uffiċjal tal-Probation li għandha tirrapporta minufih jekk jerġa’ jibda jiddevja bil-periklu li jikkommetti reati ġodda.  

Huwa tpoġġa taħt probation għal tliet snin iżda kkonfermat il-konfiska tas-somma ta’ €5,000 favur il-Gvern u li jrid iħallas €1,662.70 fi spejjeż tal-Qorti.  Il-Qorti wissiet lil Portelli bil-konsegwenzi jekk ma joqgħodx għall-ordni tal-probation. Għal Portelli dehru l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili.