Lokali Parlament

Paġna ġdida b’kandidati ta’ kwalità u integrità

Claudette Butigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet li dan hu l-mument fejn il-pajjiż ikollu paġna ġdida b’kandidati u deputati ta’ kwalità u integrità u li jibdlu l-impressjoni tas-sosċjetà fuq il-politika.

Fil-parlament Claudette Buttigieg qalet li ż-żewġ partiti għamlu ħafna biex idaħħlu l-ugwaljanza fil-pajjiż. L-ugwaljanza mhix konvenjenza għaliex il-PN għandu storja dwar kif ħa ħsieb l-ugwaljanza, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-Prim Ministru ma tkellem xejn dwar l-iskop tal-abbozz kostituzzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Gvern seta’ mexa aħjar fuq dan l-abbozz; mill-bidu nett billi jinvolvi lill-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li f’soċjetà ideali l-parlament ikun rappreżentat b’mod iktar ugwali iżda dan mhux il-każ. Il-parlament jirrappreżenta lis-soċjetà fil-pajjiż fejn għad hemm min jemmen li post il-mara mhux fil-politika jew li tkun fit-tmexxija.

Dawn l-emendi m’humiex biżżejjed għaliex il-mekkaniżmu korrettiv waħdu mhux biżżejjed. Jeħtieġ bidla fil-kultura u biex iktar nisa joħorġu għall-politika waqt li aktar nies jagħżlu lill-kandidati li jirrappreżentawhom aħjar waqt li ma jħallux barra lin-nisa.

Claudette Buttigieg kompliet li fis-26 ta’ Marzu 2019 kien tressaq id-dokument konsultattiv li fih kien hemm sitwazzjoni li jistgħu jiġu eletti nisa li ma jkunx jimmeritahom.

L-Oppożizzjoni ma kienx konsultata qabel ħareġ ir-rapport konsultattiv; dan kien żball. Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-parlament Malta tinsab lura ħafna fejn kien hemm biss 26 deputat mara eletta fl-istorja. Il-gvern illum għandu 11% nisa waqt li l-Oppożizzjoni għandha 17% tad-deputati nisa.

Id-deputatNazzjonalista kompliet li l-PN għandu l-ugwaljanza integrata fl-istrutturi tiegħu. Wara r-rebħa elettorali tal-1987, il-PN daħħal l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea li saret parti mil-liġijiet Maltin biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess.

Kien gvern Nazzjonalista li daħħal l-ugwaljanza fiż-żwieġ u diversi drittijiet oħra favur in-nisa biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra n-nisa. Gvern Nazzjonalista daħħal ukoll il-provvediment tad-diskriminazzjoni pożittiva.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-palament waranofsinhar mhux ħin tajjeb għan-nisa fil-poltiiak minħabba responsabbiltajiet familjari u oħrajn. Hi appellat biex jinstab metodu dwar il-ħinijiet tal-parlament biex dan jakkomoda lil kulħadd u ma jkunx hemm diffikultajiet, la għan-nisa u lanqas għall-irġiel.

Din il-liġi mhix biżżejjed għaliex hemm ħafna liġijiet li għadhom jiddiskriminaw kontra n-nisa, sostniet Claudette Bttigieg li qalet li l-PN irid paġna ġdida għal pajjiżna b’kandidati ta’ kwalità u li ma jinxtrawx mal-ewwel opportunità.