Lokali Parlament

Silvio Parnis irrifjuta li jinħatar segretarju parlamentari meta tneħħa mill-Prim Ministru

L-ex Segretarju Parlamentari Silvio Parnis żvela fil-parlament li l-Prim Ministru Robert Abela kien offrielu li jinħatar Segretarju Parlamentari meta neħħieh minn Segretearju Parlamentari għall-Anzjani.

Fil-parlament Silvio Parnis qal li dan għamlu għaliex hu għandu prinċipju. Hu sostna li hu qatt ma tħammeġ fil-politika u jekk ħaddieħor għandu l-ħmieġ, hu m’għandux. L-istorja għad trid toħroġ dak li seħħ; jien kelli nkun il-vittma tal-COVID-19, sostna Silvio Parnis.

Id-deputat Laburista qal li hu għandu prinċipji Laburisti u ma kienx lest li jweġġa’ dawn il-prinċipji. Hu rringrazzja lil diversi deputati li qed juri solidarjetà miegħu u sostna li meta kien responsabbli mill-anzjani hu kien ħadem bil-qawwi biex l-anzjani jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet.

Silvio Parnis qal li għandu numri li juru li jekk jerġa’ jikkontesta jġib iktar voti. Indunajt minn kienu l-ħbieb u min kienu dawk li kienu lesti biex jaħdmu kontrija; l-istorja għad tiġġudika minn għamel il-ħażin, sostna Silvio Parnis, li qal li mhux se jinħeba.

Hu qal li issa se jkun qed jaħdem għal Alla u se jkun qed jikkampanja favur il-ħajja u kontra l-abort.