Internazzjonali

Stati Uniti: Riżoluzzjoni biex Donald Trump jinħareġ mill-White House

Id-Demokratiċi fil-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti introduċew riżoluzzjoni li ssejjaħ biex il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, ilaqqa’ lill-kabinett tal-White House bil-għan li jiddeċiedi jekk Donald Trump jitneħħiex minnufih minn President tal-Istati Uniti.

Dan jista’ isir permezz tat-25th Amendment għall-Kostituzzjoni Amerikana — bl-iżviluppi qed iseħħu minħabba r-rwol tal-istess Trump fl-assedju tal-ġimgħa l-oħra fuq il-US Capitol li rriżulta f’tixrid ta’ demm storiku fil-qalba ta’ Washington.

Il-Kamra tar-Rappreżentanti, intant, aġġornat fi spazju ta’ minuti wara li deputat Repubblikan minn Virginia oġġezzjona għal din ir-riżoluzzjoni. Il-Kamra għandha terġa’ tiltaqa’ illum għal vot speċifiku.

Il-25 Amendment għandu jiddikjara lill-President Trump ( li wasal biex jispiċċa) bħala ‘mhux xieraq għat-tmexxija ta’ pajjiżu’ fid-dawl tal-aħħar inċident.

Filwaqt li Mike Pence deher li kien kontra dan il-pass, id-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti ħejjew tieni proċess ta’ impeachment għal Trump wara proċess simili, xhur ilu, li ma sabx lill-President ħati dwar aġir li seta’ jipperikola s-sigurtà  tal-Istati Uniti.

Fil-fatt, id-Demokratiċi, issa, introduċew artiklu ta’ impeachment fil-konfront ta’ Trump li  jixlih dwar ‘inċitament li wassal għal rewwixta’.

Fl-Istati Uniti għadha tbaqbaq rabja kbira għall-President talli ‘instiga’ lis-sostenituri tiegħu f’Washington biex jirvellaw minħabba li hu tilef l-elezzjoni għall-Presidenza — u fejn spiċċaw mietu ħames persuni b’konsegwenza.

Id-Demokratiċi u numru qed jiżdied  ta’ Repubblikani qegħdin jakkużaw lil Trump bħala ‘l-ixprun wara r-rewwixta’. Dan meta l-President, waqt rally, kien irrepeta allegazzjonijiet dwar frodi waqt il-vot għall-Presidenza u li baqgħu mhumiex sostanzjati bil-provi.

Intant, Donald Trump għandu jispiċċa uffiċjalment mill-Presidenza fl-20 ta’ Jannar, meta l-President-elett Joe Biden jingħata l-ġurament ta’ President. Fl-istess ħin, Trump se jwarrab għall-protokoll stabbilit meta mhux beħsiebu jattendi ċ-ċerimonja tal-ġurament għall-President Amerikan ġdid.

Minkejja li Mike Pence – li jista’ ‘il quddiem jassumi r-rwol ta’ Aġent President Amerikan —  iddistakka ruħu minn Donald Trump fl-aħħar jiem, mhux eskluż li hu ma jasalx  biex ‘jattiva’ l-25 amendment.

Aktar qabel, Senatur Repubblikan ieħor – Patt Toomey minn Pennsylvania – kien qal li l-President Trump ‘għandu jirriżenja u jwarrab malajr kemm jista’ ikun fiċ-ċirkustanzi.’

U fi żvilupp separat, il-First Lady tal-Istati Uniti, Melania Trump, ikkundannat il-vjolenza fil-bini tal-Capitol waqt l-irvellijiet ta’ nhar l-Erbgħa u sostniet li ‘il-pajjiż għandu jitħalla jfiq u joħroġ minn dan il-kapitlu b’mod ċivili’. Melania Trump rari toħroġ b’kummenti pubbliċi dwar l-iżviluppi u avvenimenti politiċi.