Internazzjonali

Stati Uniti: Ultimatum biex Trump jinħareġ mill-White House

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Nancy Pelosi, irrankat il-pressjoni fuq il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, fost insistenza li hu ‘jinsab fi dmir’ li jneħħi lil Donald Trump minn President tal-Istati Uniti. Dan minħabba r-rwol tal-istess Trmpu fl-assedju tal-ġimgħa l-oħra fuq il-US Capitol li rriżulta f’tixrid ta’ demm storiku fil-qalba ta’ Washington.

Id-deputati fil-Kamra kienu mistennija jressqu riżoluzzjoni li titlob biex Mike Pence jinvoka l-25 Amendment li għandu jiddikjara lill-President ( li wasal biex jispiċċa) bħala ‘mhux xieraq għal dan ir-rwol’.

Filwaqt li Mike Pence deher li kien kontra dan il-pass, il-Kamra tar-Rappreżentanti għamlitha ċara li – f’każ li jirrifjuta – għandha tivvota biex Donald Trump ikun suġġett għal tieni proċess ta’ impeachment.

Fl-Istati Uniti għadha tbaqbaq rabja kbira għall-President talli ‘instiga’ lis-sostenituri tiegħu f’Washington biex jirvellaw minħabba li hu tilef l-elezzjoni għall-Presidenza — u fejn spiċċaw mietu ħames persuni b’konsegwenza.

Id-Demokratiċi u numru qed jiżdied  ta’ Repubblikani qegħdin jakkużaw lil Trump bħala ‘l-ixprun wara r-rewwixta’. Dan meta l-President, waqt rally, kien irrepeta allegazzjonijiet dwar frodi waqt il-vot għall-Presidenza u li baqgħu mhumiex sostanzjati bil-provi.

Intant, Donald Trump għandu jispiċċa uffiċjalment mill-Presidenza fl-20 ta’ Jannar, meta l-President-elett Joe Biden jingħata l-ġurament ta’ President. Fl-istess ħin, Trump se jwarrab għall-protokoll stabbilit meta mhux beħsiebu jattendi ċ-ċerimonja tal-ġurament għall-President Amerikan ġdid.

Min-naħa tagħha, Nancy Pelosi kitbet lid-deputati fejn qalet li l-Kamra tar-Rappreżentanti kellha tippreżenta r-riżoluzzjoni li titlob formalment biex Mike Pence ‘jattiva l-proċedura’ biex Trump jitwarrab mill-Presidenza — u bil-ħsieb li l-istess Pence, imbagħad,jassumi r-rwol ta’ Aġent President Amerikan.

Mistenni li l-Kamra tivvota għada ( it-Tlieta) dwar ir-riżoluzzjoni u, wara, Pence u l-Kabinett tiegħu għandhom jingħataw sa 24 siegħa żmien għal azzjoni – qabel il-pass potenzjali mill-Kamra lejn l-impeachment ta’ Trump.

Minkejja li Mike Pence qed jiddistakka ruħu dejjem aktar minn Donald Trump, ma hemm l-ebda sinjali li hu kien qed iħejji biex ‘jattiva’ l-25 amendment.

Fi żvilupp separat, il-First Lady tal-Istati Uniti, Melania Trump, ikkundannat il-vjolenza fil-bini tal-Capitol waqt l-irvellijiet ta’ nhar l-Erbgħa u sostniet li ‘il-pajjiż għandu jitħalla jfiq u joħroġ minn dan il-kapitlu b’mod ċivili’. Melania Trump rari toħroġ b’kummenti pubbliċi dwar l-iżviluppi u avvenimenti politiċi.

Intant, fl-aħħar sigħat, id-Demokratiċi għamluha ċara li, f’każ ta’ bżonn, se jippreparaw ‘mill-aktar fis’ il-proċeduri għall-impeachment ta’ Trump.

F’dan il-kuntest, il-proċedura tinvolvi sitwazzjoni fejn jitressqu l-akkużi fil-Kungress – b’Nancy Pelosi tgħid li d-Demokratiċi jistgħu jintroduċu akkuża speċifika fil-konfront ta’ Trump li tikkonċerna ‘inċitament għal rewwixta’.