Futbol Sport

Swieqi u Vittoriosa jaqsmu erba’ gowls bejniethom

Chris Cassar

SWIEQI U. ……………………. 2

VITTORIOSA S. …………….. 2

Swieqi U: J.C. Debattista, M. Attard, J. Micallef, J. Willy, S. Ibrahim, A. Schembri Wismayer, M. Vella, C. Cutajar, F. Temile, J. Azzopardi, D. Borg

Vittoriosa S: R. Marmara, C. Spiteri, I. Abela, G. Sultana, J. Farrugia, A. Cilia Mumford, A. Galea, R. Dalli, A. Oularbi, D. Serna, D. Borg Castaldi

Referee: Glen Tonna

Draw ta’ 2-2 bejn Swieqi u Vittoriosa f’logħba ferm interessanti, logħba li fiha Swieqi kellhom ferm iktar mil-logħob iżda logħba li kważi ħarbitilhom ukoll minn idejhom. Vittoriosa ddefendew tajjeb ħadu ċ-ċansijiet tagħhom u ċedew biss fl-aħħar meta kienu b’għaxar plejers.

Bidu bilaċjat biż-żewġ naħat attenti għal xulxin, iżda iktar ma beda għaddej il-ħin iktar Swieqi bdew jieħdu kontroll tal-logħba f’idejhom u ma kinitx sorpriża li huma marru fil-vantaġġ fl-24 minuta meta Schembri Wismayer qassam mix-xellug lejn Salis Ibrahib li bir-ras mill-viċin kompla għal ġewwa.

Żewġ minuti wara diżattenzjoni fid-difiża ta’ Vittoriosa bil-goalkeeper imiss il-ballun b’idu, iżda mill-freekick indirett il-ballun kien imblukkat mid-difensuri ta’ Vittoriosa. Fit-28 minuta freekick ta’ Dayle Borg u daqqa ta’ ras ta’ Salis Ibrahim bil-ballun jaħbat mal-lasta.

Swieqi komplew jattakkaw iżda fit-42 minuta Vittoriosa kisbu penalty meta kross ta’ Serna ħabat ma’ id Cutajar u mill-11-il metru kien Ryan Dalli li skorja b’xutt fil-baxx.

Żewġ minuti mil-ftuħ tat-tieni taqsima penalty ieħor għal Vittoriosa wara li Josuel Azzopardi deher jikkontrolla l-ballun b’idu u mill-11-il metru reġa’ kien Ryan Dalli li għat-tieni darba għeleb lil Debattista.

Fis-56 minuta risposta ta’ Swieqi bi Frank Temile jixxuttja ċentralment minn qagħda tajba. Fid-69 minuta Vittoriosa spiċċaw b’għaxar plejers meta Gianluca Sultana ntwera t-tieni karta safra.

Pembroke issa xeħtu kollox fl-attakk u seba’ minuti mit-tmiem kienu ppremjati meta s-sostitut Ayorinde rnexxielhu jdawwar il-ballun għal ġewwa.