Lokali Qorti

Titjira lejn Katanja tirritorna lura Malta wara li passiġġiera ma riditx tilbes il-maskra

Titjira minn Malta lejn Katanja kmieni dalgħodu kellha tirritorna lura fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li mara Bulgara li kienet għall-btala f’pajjiżna bl-ebda mod ma riedet tilbes il-maskla.

Hija tressqet il-Qorti u ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammettiet l-akkużi miġjubin kontriha. Freya Angeolova Moutafova ta’ 24 sena, mwielda l-Italja u li tgħix il-Bulgarija, b’passaport Bulgaru ammettiet li kmieni dalgħodu ma obdietx membru tal-ekwipaġġ biex ma tkunx ta’ periklu għal ħaddieħor u tilbes il-maskla.

It-titjira fuq ajruplan tal-Air Malta skedata li titlaq fis-6.00am. kienet interotta minħabba l-aġir tal-mara. Fil-ħin li bdiet tirrifjuta li tilbes il-maskla, l-ajruplan kien diġa għamel it-take-off.

Minħabba li Moutafova baqgħet tippersisti li tibqa’ bla maskla, l-pilota kellu jdawwar ir-rotta lura u mal-wasla ġew nfurmati l-Pulizija. L-Ispettur Hubert Gerada xela lil mara quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Wara li ammettiet, il-Maġistrat qaltilha li kienet ta’ periklu mhux biss għaliha iżda wkoll għas-sigurtà tal-passiġġieri li kienu abbord l-ajruplan. Il-Qorti qaltilha wkoll li kulħadd jinsab fil-periklu u li dan mhuwiex aġir responsabbli u li dan ma jistax jiġi tollerat, meta din il-pandemija hija waħda serja. Għal mara deher l-Avukat Simon Micallef Stafrace.