Lokali

Abela sieket dwar it-tkeċċija tat-tabib Grech

Jaħrab milli jwieġeb dwar in-normalità li kien wiegħed f'Mejju 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss ma jridx iwieġeb dwar Kenneth Grech…iżda wasal biex iċċensura lil Net News milli sempliċiment jgħamillu d-domandi dwar din l-aħħar kontroversja li daħal fiha.

Dan wara li l-Gvern inqabad illi neħħa lit-tabib Kenneth Grech mill-irwol ta’ koordinatur fil-qasam tas-Saħħa Pubblika ghar-rispons lejn il-Covid-19 – transfer li seħħ wara li Grech irrakkomanda kawtela dwar il-ftuħ tal-iskejjel wara l-vaganzi tal-Milied.

Bil-każi ġodda ta’ Covid-19 dejjem jiżdiedu, b’1,995 każ ġdid u 15-il vittma fl-ewwel tnax-il jum tas-sena biss, Robert Abela naqas milli jwieġeb għal liema raġuni t-Tabib Kenneth Grech tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu u għalfejn il-parir ta’ dan il-konsulent prova jinżamm sigriet.

Dan meta fil-jum ta’ qabel Net News staqsa lill-Prim Ministru ghaliex ma jridx jippublika t-Tax Returns tiegħu u r-returns tal-VAT ta’ qabel l-2017. Fejn mhux talli gibna r-risposti tieghu…talli kienu hu li prova jibqa’ tiela’ t-tarag ta’ Kastilja, minhabba li jinsab skomdu jwiegeb dwar dan.

U dwar it-transfer li inghata l-konsulent Kenneth Grech, staqsejna wkoll lill-Ministru Carmelo Abela.

Hu qal li dak li qed jgħid l-Ministeru tas-Saħħa Chris Fearne, jiġifieri li t-tabib Grech tneħħa biex imur lura fir-responsabbiltà oriġinali tiegħu, hija xi haga li kellha issir – minkejja l-kundanna tal-esperti mediċi, li iddeskrivewha mossa ta’ intimidazzjoni biex titqiegħed mażra ma’ ħalq l-professjonisti mediċi.

Intant, tul il-jum tal-Ħadd, f’attività politika Laburista Robert Abela sostna li min jgħid li n-normalità tiġi mil-lum għal għada ma jafx x’inhu jgħid – iżda meta mistoqsi minn Net News jekk hu stess kienx jaf x’inhu jgħid meta ftit qabel is-sajf tal-2020 kien qal lill-poplu li l-Covid kien xi ħaġa tal-passat…. huwa falla milli jwieġeb.