Internazzjonali

Covid-19: Mhumiex esklużi aktar miżuri riġidi fl-Ingilterra…Ġimgħat ta’ inċertezza fil-Ġermanja

epa08370818 An ambulance passes a thankful message to Britain's National Health Service (NHS) in Camden Town in London, Britain, 18 April 2020. The Camden Markets are the fourth-most popular visitor attraction in London, attracting approximately 250,000 people each week. Countries around the world are taking increased measures to stem the widespread of the SARS-CoV-2 coronavirus which causes the Covid-19 disease. EPA-EFE/NEIL HALL

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li ma jistax jeskludi li, fl-Ingilterra, jiżdiedu aktar miżuri mal-kampanji riġidi għar-restrizzjonijiet tal-poplu fid-dawl tal-agħar kriżi tas-saħħa għal għexieren ta’ snin….Kriżi dovuta għall-effetti tal-pandemija tal-Covid-19 u meta l-kapijiet tal-pulizija fir-Renju Unit jinsabu taħt pressjoni kbira biex ‘jinfurzaw aktar ir-regoli tal-lockdown’.

Il-coronavirus ġdid laqat ħażin ħafna lir-Renju Unit tul l-aħħar xhur u l-awtoritajiet qegħdin iwissu li għadhom ma waslux ‘sal-agħar punt tal-pandemija’.

Fl-isptarijiet tar-Renju Unit, bħalissa, hemm ‘il fuq minn 32,200 persuna morda bil-coronavirus, skont ma tindika l-aħħar data.

Filwaqt li ċ-ċifri tal-vittmi mill-Covid-19 baqgħu kontinwi u allarmanti, l-aħħar informazzjoni proviżorja mill-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali. f’Londra, uriet li, matul is-sena li għaddiet, kien hemm l-akbar qabża fl-imwiet fir-Renju Unit għal sena waħda, mill-1940 ‘il hawn.

Fl-2020, ‘is-sena tal-coronavirus’, kienu reġistrati kważi 697,000 mewta fir-Renju Unit – biċ-ċifra titqies bħala waħda sinifikanti, meta bejn l-2015 sal-2019 kienet reġistrata medja ta’ 606.000 mewta għal kull sena.

Fi żviluppi oħra, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel wissiet li l-pajjiż irid jgħaddi minn bejn tmiena u għaxar ġimgħat oħra ta’ ‘miżuri diffiċli’ sakemm ikun kapaċi jikkontrolla l-effetti tal-Covid-19.

Merkel qalet lill-uffiċjali li jekk il-varjant ġdid tal-Covid-19 ma jinżammx taħt kontroll, il-Ġermanja tista’ tara ‘żieda ta’ għaxar darbiet’ fl-infezzjonijiet lokali, sal-btajjel tal-Għid.

Rapporti mill-Malasja qalu li dan il-pajjiż iddikjara stat ta’ emerġenza nazzjonali biex l-awtoritajiet lokali jlaħħqu ma’ spinta allarmanti fl-infezzjonijiet bil-Covid-19.

Dan waqt li ċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard fin-Niġerja qal li qed jonqsu aktar il-provvisti tal-ossiġnu fl-isptarijiet minħabba ż-żieda fil-każi tal-coroanvirus.

Intant, it-Tajwan irrapporta l-ewwel każi tal-Covid-19 dovuti għal trasmissjoni lokali mit-22 ta’ Diċembru ‘il hawn. Dawn huma ‘it-tieni u t-tielet każi ta’ infezzjoni ta’ dan it-tip’ fil-pajjiż u li, f’dan il-każ, jinvolvu tabib u infermiera.