Lokali Parlament

€290,000 f’konsulenza lill-kumpanija ThinkTechinc

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol taw bejniethom l-ammont ta’ €290,000 f’konsulenza lill-kumpanija ThinkTechnic.

Dan jirriżulta minn tweġibiet parlamentari għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista David Thake.

David Thake staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo jipprovdi lista’ ta’ konsulenti tal-passat u l-preżent ta’ Safe City Malta, jgħid kemm tħallsu u għal liema tip ta’ xogħol u jispeċifika kif u meta kienu ingaġġati u fuq liema bażi.

Il-Ministru Clayton Bartolo wieġeb li Safe City Malta Ltd. għamlet użu mid-ditta ta’ konsulenza ThinkTechnic Limited abbażi tal-esperjenza twila fil-qasam tat-teknologija tal-informatika u kommunikazzjoni. Il-kumpanija tħallset €179,196 għas-servizzi tagħha bejn il-perjodu 2017-2020.

F’mistoqsija separata David Thake staqsa lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana jindika liema ditta ta’ konsulenza ħejjiet il-pjan direzzjonali tat-teknoloġija tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, kemm tħallset din id-ditta ta’ konsulenza u jekk din id-ditta jew id-diretturi tagħha, għadhomx involuti mal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.

Il-Ministru Clyde Caruana wieġeb li d-ditta ta’ konsulenza li ħejjiet il-pjan direzzjonali tat-teknoloġija tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kienet ThinkTechnic Limited.

Dan ix-xogħol sar fuq perjodu ta’ 16-il xahar, bejn Settembru tas-sena 2018 u Diċembru tas-sena 2019. Id-ditta tħallset €114,625 għas-servizzi mogħtija f’dan il-perjodu. Id-direttur tal-imsemmija kumpanija matul iż-żmien li kienet qed tingħata konsulenza, Inġ. Ivan Zammit, illum jokkupa l-kariga ta’ Chief Operations Officer mal-Awtorità.

Inġ.Zammit kien applika għal din il-kariga wara li l-Awtorità ppubblikat sejħa miftuħa għal dan l-irwol fit-23 ta’ Settembru tas-sena 2019. Kien hemm 19-il applikazzjoni li fosthom ġew shortlisted sitta għall-intervista. Il-lista naqset għal tlieta wara l-ewwel intervista u wara li sar personality test u t-tieni intervista, ġie magħżul l-Inġ.Zammit mill-panel ta’ eżaminaturi.