Lokali Parlament

Ebda passi kontra Joseph Muscat dwar ksur ta’ etika f’kuntratt lil Konrad Mizzi

Ma jistgħu jittieħdu ebda passi jew sanzjonijiet fil-konfront tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler kien sab ksur tal-etika fl-għoti tal-kuntratt ta’ €80,000 lill-ex Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu wara li dan kien irriżenja minn ministru.

Din id-deċiżjoni ittieħdet f’ruling mill-Ispeaker Anġlu Farrugia li bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika m’għandu l-ebda ġurisidizzjoni fuq ex deputati.

Dan il-każ kien diskuss fid-dettal fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li fih il-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu li r-rapport tal-Kummissarju George Hyzler ikun addottat iżda ma qablux jekk għandhomx jittieħdu sanzjonijiet fil-konfront tal-ex Prim Ministru Jospeh Muscat. Il-Gvern kien sostna li m’għandhomx jittieħdu sanzjonijiet għaliex Joseph Muscat m’għadux deputat.

Għalhekk is-Sedja intalbet tagħti ruling dwar sanzjonijiet fil-konfront ta’ persuni li ma jkunux għadhom membri tal-parlament; f’dan il-każ l-ex Prim Ministru Jopeh Muscat.

Fir-rapport il-Kummssarju Hyzler qal li l-ex Prim Ministru kien instab li kiser il-kodiċi ta’ etika meta ingħata kuntratt mal-MTA lill-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi.

Fir-ruling l-Ispeaker qal li fil-Kumitat kien hemm qbil bejn il-Gvenr u l-Oppożizzjoni lir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards jkun addottat. Il-Gvern kien insista li s-sanzjonijiet ma jistgħux ikunu applikati fil-konfront ta’ Joseph Muscat minħabba li dan m’għadux deputat. Ir-ruling li ntalab kien dwar l-applikabbiltà tar-regoli f’dan il-kuntest.