Lokali Qorti

Erba’ xhur ħabs u jitlef €30,000 f’garanziji fuq ksur ta’ bail

Aidan Chircop ta’ 26 sena minn San Pawl il-Baħar ġie kundannat erba’ xhur ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammetta li għal diversi drabi ma kienx imur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija fuq ordni tal-Qorti. Huwa tilef ukoll is-somma ta’ €30,000 f’depożitu u garanzija personali li kellu jsegwi.

Chircop kien jinsab bil-libertà proviżorja fuq diversi akkużi marbuta l-aktar ma’ allegati serqiet, fosthom 14-il akkuża ta’ serq minn karozzi fuq il-perjodu ta’ bejn Jannar u Marzu tal-2019 u li huwa reċidiv.

Chircop qal li huwa kien imur għand it-tabiba biex tagħmillu ċerifikat li kien marid. Meta mistoqsi jekk għandux dawn iċ-ċertifikat bħala prova, huwa wieġeb fl-affermattiv u li dan kien għal madwar erba’ darbiet li kien naqas milli jmur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija.

L-Ispettur Clayton Camilleri li ressaq lil Chircop qal li minbarra dan ix-xahar l-akkużat kien ukoll naqas milli jmur jiffirma l-Għassa diversi drabi ix-xahar li għadda.

Hawn Chircop ammetta u qal li m’għandux ċertifikati ta’ fejn jidħol ix-xahar ta’ Diċembru, bil-Qorti tfehmu li dan kien ifisser ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Meta kien ingħata l-pleġġ mill-Qorti dan kien fuq depożitu ta’ €2,000 u depożitu ta’ €28,000. Dawn issa għaddew favur il-Gvern flimkien ma’ piena ta’ erba’ xhur ħabs, li hija fil-minimu li seta’ jiġi kundannat għaliha, bil-massimu titla’ sa sentejn priġunerija. Għal Chircop deheret l-Avukat Martha Mifsud.