Ambjent Lokali

Graffitti topponi bil-qawwa l-pjanijiet għal drive-in cinema fuq ODZ f’Wied il-Għajn

L-applikazzjoni rċeviet ’il fuq minn 500 oġġezzjoni fi ftit jiem

“Il-pjanijiet biex jinbena drive-in cinema fuq art agrikola f’ODZ f’Wied il-Għajn (PA/08833/20) ma jistgħu qatt jiġu ġġustifikati u lanqas għandhom biss jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet.”

Hekk saħqet il-Moviment Graffiti fi stqarrija maħruġa t-Tlieta b’rabta mal-iżvilupp propost ta’ drive-in cinema fuq art fiż-żona ta’ barra l-iżvilupp wara t-Torri Mamo, fil-limiti ta’ Wied il-Għajn.

L-applikazzjoni in kwistjoni tipproponi li titneħħa l-ħamrija mill-art biex tagħmel post għal madwar 56 spazju għall-karozzi, kif ukoll għal skrin ta’ 16:8 metri, b’konsegwenza li Wied il-Għajn se jkompli jinsteraqlu aktar mill-ftit art rurali li fadallu, qal il-Moviment.

Graffiti saħqet li t-teħid ta’ aktar art agrikola għal proġett privat u kummerċjali huwa totalment inġustifikabbli fuq kull livel meta tqis li dan sar attakk ta’ kuljum fuq l-art rurali u agrikola, wara serje ta’ proġetti ta’ twessiegħ tat-toroq li jgħaddu minn qalb meded ta’ art tar-raba’ u jibilgħu l-ftit biċċiet ta’ art verġni li fadal fuq dawn il-gżejjer.

“Teħid ta’ art ODZ ta’ dan il-kobor qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat, aktar u aktar meta wieħed iqis li s-sit propost għall-iżvilupp jinsab ukoll qrib ħafna t-Torri Mamo u l-Knisja ta’ San Gejtanu. Drive-in cinema fil-viċinanza ta’ dawn iż-żewġ binjiet ta’ valur storiku bla dubju se jeqred il-karattru storiku tagħhom u jhedded il-preservazzjoni tal-kuntest storiku tagħhom.”

Kelliem għall-grupp qajjem ukoll tħassib dwar l-idoneità ta’ proġett bħal dan fiż-żona, bil-kelliem jisħaq li l-proġett se jwassal għal aktar degradazzjoni ambjentali, erożjoni u degradazzjoni tal-ħamrija, tniġġis mill-istorbju u mid-dawl, kif ukoll ir-riskju li jippreżenta fil-konfront tal-binjiet storiċi fiż-żona. Barra minn hekk, drive-in cinema se jiġġenera fluss aktar qawwi ta’ traffiku, b’żieda fl-emissjonijiet tal-karozzi u storbju, li bla dubju se jiddisturbaw l-ambjent naturali u l-ħabitats tal-madwar u kompletament jittrasformaw il-karattru rurali taż-żona.

L-applikazzjoni qajmet ukoll tħassib dwar iċ-ċans li jekk tiġi approvata jinħoloq preċedent li jwassal għal aktar żvilupp kummerċjali ta’ art verġni fiż-żona. Jekk jinħareġ permess għal żvilupp, ir-riskju li s-sit jispiċċa kommess għal aktar żviluppi fil-futur huwa ta’ min jikkunsidrah. 

Il-Moviment Graffitti rrimarka ukoll li jekk il-proġett, li wisq probabbli ġie ispirat mis-sitwazzjoni preżenti, ifalli wara li tgħaddi l-pandemija, il-ħsara li tkun saret tkun irreversibbli għax ma nistgħu qatt inġibu lura l-ħamrija u l-art agrikola li jkunu ġew issaggrifikati għal proġett li m’hawnx bżonnu. Żvilupp bħal dan jista’ wkoll faċilment isir f’siti oħra li huma aktar adegwati u li diġà ġew ikkummissjonati għall-iżvilupp.

Graffiti tenniet li r-rabja tan-nies hija waħda ġustifikata. “Aktar teħid ta’ art verġni li tinsab qrib binjiet storiċi għal drive-in cinema ma tista’ qatt tiġi ġġustifikata. Pajjiżna ra biżżejjed serq ta’ art agrikola. In-nies xebgħu mill-aġir ta’ żviluppaturi megalomanijaċi u mill-arroganza tal-aġenziji tal-gvern li jum wara jum ikomplu jgħaddu bħal gaffa minn fuq id-dritt tal-pubbliku li jgawdi l-ambjent naturali u li jkollu kwalità ta’ ħajja diċenti.”

Il-Moviment Graffitti temm jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tagħraf tisma’ r-rabja tan-nies u tagħmel xogħolha kif mistenni.