Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana issa mhux qed tiċħad li l-Gvern ingħata parir biex l-iskejjel ma jiftħux il-bibien tagħhom sabiex jilqgħu lura lill-uliedna wara l-btajjel tal-Milied.
Dan wara li t-tabib Kenneth Grech, li sal-aħħar jiem kien qed jokkuppa l-pożizzjoni ta’ koordinatur tal-Covid-19 fil-qasam tas-saħħa pubblika sofra transfer vendikattiv wara li kien ta dan il-parir, parir li sussegwentament inkixef mill-Union tal-Għalliema… ghalkemm il-Ministru Caruana, fuq ix-Xandir Nazzjonali, kienet qalet mod iehor.
Madanakollu meta mistoqsija minn Net News sabiex tiċċara l-fatti u telimina l-inċertezza li qed tifni l-ġenituri, l-istudenti u l-għalliema kawża tas-segretezza tal-Gvern b’rabta ma’ dan il-każ… issa l-Ministru qed tbiddel id-diska.
Dan ifisser li minkejja l-parir tal-esperti, il-Gvern ghazel li jgiddeb lill-MUT u baqa’ jsabbat saqajh sabiex uliedna jmorru lura fil-klassijiet tal-iskola minkejja l-possibiltà u r-rieda tal-edukaturi li jaħdmu fuq bażi online fl-ewwel jiem ta’ din is-sena. Dan kollu fid-dawl tal-firxa tal-Covid-19 li s’issa din is-sena mhi qed tara l-ebda trażżin, bil-każi attivi dejjem jiżdiedu u konsegwenza t’hekk ankè n-nies fi kwarantina…. b’uħud sfortunatament maħkuma mill-biża’ u l-ansjeta.
Mistoqsija dwar jekk il-Ministru tinsabx sodisfatta bis-sitwazzjoni, la darba kienet moħħha mistrieħ li uliedna jmorru lura l-iskola f’dawn il-jiem ….hija saħqet li mhux kwistjoni ta’ sodisfazzjon.
Intant l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja appellat sabiex it-Tabib Kenneth Grech jerġa’ jieħu l-koordinazzjoni f’idejh u insistiet li l-parir li ta meta l-pajjiż ġie biex jikkunsidra jiftaħx l-iskejjel b’mod fiżiku jew le kien wieħed validu.
//= $special ?>