Lokali

Il-pajjiż ma jistax jitlef iktar art agrikola


Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella beix tieqaf il-qera ta’ art agrikola bl-iskuża ta’ proġetti li huma kkunsidrati validi.

Fl-Aġġornament tal-parlament Edwin Vassallo qal li t-tneħħija tat-Tabib Kenneth Grech minn Koordinatur tas-Saħħa Pubbika kien żball kbir u sostna li din hi arroganza. Hu appella biex il-pajjiż ma jitlifx il-fiduċja u l-kredibbiltà biex il-poplu jkun imfejjaq ekonomikament u medikament.

Il-Moviment Laburista mwelled minn Joseph Muscat twelled fuq l-amoralità fejn xejn mhu xejn. Robert Abela illum qed ikompli jmexxi dak li welled Joseph Muscat, fejn m’hemmx differenza bejn il-ħażin u t-tajjeb. Dak li kien il-Moviment tal-Ħaddiema illum spiċċa Moviment tal-kapitalisti. Il-pajjiż ma jistax ikollu ekonomija b’saħħitha jekk il-poplu ma jkuxn b’saħħtu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-korruzzjoni ma tistax titħalla tikkorrompi l-fiduċja u l-verità. Hu kompla li l-pajjiż irid jiggarantixxi kwalità tal-ħajja għall-futur.

Hu tkellem ukoll dwar il-biedja u qal li l-pajjiż qed jitlef kwantità kbira ta’ raba’ minħabba proġetti infrastrutturali kunsidrati validi. Fost dawn kien hemm il-proġetti tas-Central Link, f’Ħad Dingli, fl-Imġarr, f’Burmarrad, f’Ħal Qormi u f’Marsascala.

Dan hu l-kapitaliżmu estrem li ta’ min wieħed jibża’ minnu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-flus qed jiġu qabel il-bniedem u qabel saħħet in-nies. Il-pajjiż m’għandux jaqa’ fil-kapitaliżmu estrem; jeħtieġ li dan ikun imrażżan.

Il-Gvern għandu jara x’jista’ jagħmel biex il-bidwi jkun slavagwardjat u r-raba’ jkun protett, sostna Edwin Vassallo.