Lokali

Il-Parlament Malti qed isir dejjem aktar ir-refuġju tal-korrotti milli t-tarka taċ-ċittadin onest – Repubblika

Il-bini tal-Parlament

Repubblika tirriafferma d-diżgust tagħha għad-deċiżjoni tal-Ispeaker li l-Parlament ma jista’ jagħmel xejn dwar il-fatt li l-Kummissarju għall-Istandards, uffiċjal tal-istess Parlament, sab lil Joseph Muscat ħati li prima facie kiser il-liġi u l-Kodiċi ta’ Etika.  Skont Anglu Farrugia il-Parlament irid jibqa’ jħares dwar il-kuntratt abbużiv ta’ €80,000 fis-sena lil Konrad MIzzi għax Dr Muscat irriżenja mill-Parlament.

L-istess rapport igħid li Gavin Gulia u Johann Buttigieg “naqsu mir-responsabbilità tagħhom”. Għaddew aktar minn 3 xhur u l-Gvern ma għamel xejn u ma tantx jidher li se jsir.

Din is-sena, il-Parlament Malti jagħlaq 100 sena. Jiddispjaċina ninnutaw li dan l-istrument ewlieni fid-demokrazija ta’ pajjiżna qed isir dejjem aktar strument ta’ impunità biex min hu b’saħħtu jagħmel li jrid, anke jekk meta dan ma jkunx sewwa.

Ir-ruling tal-ispeaker tal-bieraħ huwa inkwetanti aktar għax huwa ħolqa waħda minn katina ta’ impunità protetta mill-Parlament. Bizzejjed insemmu żewġ eżempji:

 ·         l-Awditur Ġenerali, uffiċjal tal-Parlament, sab li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għadda b’mod irregolari l-art tal-ITS ġewwa Pembroke lid-DB Group.  Ma ġara xejn, anzi id-DB Group reġa’ daħħal pjanti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex jagħmel il-miljuni minn din l-art li suppost hija taghna lkoll waqt li jsofru n-nies tal-madwar u l-poplu Malti jitlef art tiegħu.

·         il-Parlament qatt ma ddiskuta rapport finali u rakkomandazzjonijiet finali tal-Ombudsman li l-Gvern ma jkunx ta każhom.  Ninsabu f’sitwazzjonijiet fejn il-Parlament stess ma jiddiskutix rapporti ta’ uffiċjal li waqqaf hu stess biex jiddefendi liċ-ċittadin kontra l-abbuż tal-Gvern.

Id-demokrazija hija ferm aktar minn vot darba kull ħames snin.  Id-demokrazija hija istituzzjonijiet li jaħdmu u l-Parlament huwa istituzzjoni minn dawn.

Dak li ġara fl-Istati Uniti l-ġimgħa li għaddiet juri istituzzjonijiet b’saħħithom huma meħtieġa biex jikkontrollaw l-abbuż ta’ min jipprova jkun bully.

Jidhrilna li dan l-anniversarju ta’ 100 sena tal-Parlament Malti għandu jkun opportunità biex inħarsu sewwa lejn il-Parlament tagħna u nikkonsidraw riformi meħtieġa.

Repubblika trid tagħti l-kontribut tagħha għar-riforma tal-Parlament Malti.

Għalhekk għada ser tkun qed tippubblika għadd ta’ riflessjonijiet u proposti bil-ħsieb li nagħtu sehemna sabiex il-Parlament Malti ikun verament strument b’saħħtu li jħares u jmexxi ‘l quddiem l-interessi taċ-ċittadin Malti u mhux ta’ klikka.