Lokali Parlament

Il-PN jappella għal djalogu biex in-nisa jipparteċipaw iktar fil-politika; jeħtieġ riforma ħolistika

  • Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech appella lill-Gvern biex jilqa’ l-proposti tal-PN u jibda’ djalogu biex il-problema tan-nuqqas ta’ nisa fil-politika tkun trattata b’mod ħolistiku għaliex l-emendi kostituzzjonali li qed jitressqu m’humiex biżżejjed.

Fil-parlament Bernard Grech qal li l-Prim Ministru kien iktar mifltuf biex jattakka milli jikkontribwixxi fuq liġi li tant tista’ tagħmel differenza fil-parlament. Il-Prim Ministru lanqas għandu idea x’fiha l-liġi għaliex tkellem biss b’mod ġenerali u ma kkontribwixxa xejn għal-liġi u d-diskussjoni dwarha.

Issa l-Ministru Chris Fearne lanqas fehem dak li qal id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone; il-Gvern illum tant sar arroganti li lanqas irid jisma’ tant li l-Prim Ministru laqas mar il-parlament għad-dibattitu. Minkejja dan l-Oppożizzjoni lesta tipparteċipa u tgħin bi proposti.

Il-Kap tal-Oppożizjzoni qal li l-PN jaqbel ma parteċipazzjoni ħafna ikbar ta’ nisa fil-politika u lest li jtejjeb din il-liġi biex ktun aħjar. Hu kompla li l-PN irid li n-nisa jkollhom opportunità li jkunu fil-kabinett u għalhekkk qed iressaq proposti rilevanti.

Bernard Grech qal li kien diżappuntat li l-Prim Ministru ma sabx il-kuraġġ li jikkongratula lil Roberta Metsola fil-kariga ta’ Viċi-President tal-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministru ma jismax lil ħaddieħor għaliex iwarrab lil min ikun kontrih fosthom lil Kenneth Grech li kien parti minn team li kellhom parir li m’għoġobx lill-Prim Ministru. Robert Abela ma qalx għaliex għamel reshuffle u m’ammettiex li kien inkompetenti meta ħatar l-ewwel kabinett tiegħu.

Minkejja li din il-liġi hi pass tajjeb, mhix se ssolvi s-sitwazzjoni; il-PN jemmen fil-ħoiliet tan-nisa għaliex dawn m’għandhom bżonn lil ħadd biex jirnexxu. Il-problema hi li n-nisa eletti jridu jkomplu jiffunzjonaw fil-parlament; għalhekk jeħtieġ li l-ostakli li għandhom in-nisa fil-politika jkunu mwittija.

Il-proporzjon tan-nisa eletti mhux daqshekk żgħir iżda l-problema hi kemm jikkontestaw nisa għall-elezzjonijiet ġenerali. Fl-università hemm iktar nisa minn irġiel; din hi konferma ta’ kemm in-nisa huma kapaċi. Il-problema qed tinqala’ wara minħabba li l-kultura Maltija għadha taħseb li l-familja u d-dar huma responsabbiltà tal-mara.

Bernard Grech qal li ħafna nisa huma ‘super women‘ għax huma kapaċi jagħmlu ħafna affarijiet fl-istess ħin u jirnexxu. Hu tkellem favur kundizzjonijiet ġodda biex in-nisa jkunu jistgħu jidħlu iktar fil-politika. In-nies iridu politiċi serji li ma jużawx l-emozzjonijiet tan-nies, sostna l-Kap tal-PN, li appella għal diskussjoni biex ikun hemm l-għażla li jkun hemm deputati full-time.

Din hi liġi għal ftit żmien biex fejn ma tasalx il-mentalità tal-elettorat, ikun hemm imbuttatura biex din issir malajr. Il-PN għandu numru ta’ emendi biex din il-liġi ikun tassew abbozz li jagħmel sens fil-kuntest politiku Malti u fis-sistema elettorali Maltija.

Il-PN ma jridx li l-liġi taħdem biss jekk ikun żewġ partiti iżda anki jekk ikun hemm aprtiti orħa fil-parlament. Dwar l-liġi tad-divorzju, il-Kap tal-PN qal li l-PN ma jridx ibiddel biss il-parti dwar l-erba’ snin iżda jkun hemm possibbiltà biex jissolvew il-problemi li qed jeffettwaw lill-koppji Maltin. Hemm problemi bejn il-kalkoli tal-manteniment li jingħata fil-kwistjonijet familjari u l-ħtieġa ta’ esperti fulltime biex il-qorti tkun tista’ tmexxi b’mod aktar mgħaġġel.

Il-Kap tal-PN appella lill-Gvern u lill-Prim Ministru biex ma jkunux imkabbra u jisimgħu lill-Oppożizzjoni għall-ġid tal-familji u l-poplu Malti. Hu qal li hu ottimist għaliex b’din il-liġi hemm xewqa għal riforma fis-settur u stieden lill-Gvern għal diskussjonijiet biex il-liġi tkun imtejba u ssir riforma ħolisitika dwar din id-diffikultà. Din il-liġi mhix biżżejjed, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li jekk il-Gvern ma jismax allura jkun il-poplu li jisma’; li diġà qed jisma’ u qed jirreaġixxi għaliex induna li l-PN irid il-ġid nazzjonali.

Il-PN u l-PL kienu strumentali biex il-mara Maltija imxiet ‘il quddiem, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Prim Ministru jista’ jċempillu għall-proposti u mhux iċempel lill-Kummissarju tat-Taxxa. Ix-xemx dejjem telgħet għal kulħadd kien min kien fil-Gvern u għalhekk il-PN lest li jkompli jagħti l-kontribut; jonqos issa li l-Gvern jilqa’ l-istedina, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.