Coronavirus Lokali

Il-Prim Ministru jrid jibqa’ jwebbes rasu – Bernard Grech

https://www.facebook.com/bernardgrechmt/posts/1052358111942160

Minkejja kritika unanima għall-aġir irresponsabbli tiegħu, il-Prim Ministru għadu jwebbes rasu u għadu ma ammettiex li żbalja meta neħħa lil Kenneth Grech minn fuq il-Covid Response Team.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’messaġġ li xandar fuq Facebook, fejn innota wkoll kif f’mument daqsekk sensittiv, Robert Abela lest jiffaċċja azzjoni industrijali mit-Tobba, l-aqwa li jibqa’ jwebbes rasu u ma jħallix lill-professjonisti jiddeċiedu.

Bernard Grech kompla li wara li qal lill-Ġenituri, lill-Għalliema u lill-Infermieri biex ma jindaħlux għax hu biss jaf, issa anke jekk inti Konsulent Mediku qed jgħidlek, qed jgħidlek biex ma tindaħalx għax hu biss jaf.

Għaldaqstant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħaqad fl-appell lill-Prim Ministru biex, mill-aktar fis, idawwar id-deċiżjoni tiegħu u jpoġġi lil Kenneth Grech lura fuq il-Covid Response Team.