Coronavirus Festi Għawdex Kultura Kunsilli Lokali Lokali Saħħa

Is-saħħa tingħata prijorità fuq kollox mill-Kunsill Lokali tan-Nadur

Il-burdell ta' Chris Cardona , FKK Acapulco fil-Ġermanja
"Mhuwiex minnu li l-Karnival tan-Nadur se jsir"

“Il-Kunsill Lokali tan-Nadur jemmen li l-ewwel tiġi s-saħħa u żgur mhux se jorganizza l-ebda attività tal-massa bħalma hu l-Karnival. Il-qlajjiet li jista’ jkun hawn li se jsir xi tip ta’ Karnival fin-Nadur, huma kollha bla bażi.”

Dan qalu l-Kunsill Lokali tan-Nadur li fi stqarrija maħruġa t-Tlieta kkonferma li mhu se jorganizza l-ebda attività tal-massa jew li tiġbor fiha xi gruppi ta’ nies flimkien matul il-jiem tal-Karnival tal-2021.

Barra minn hekk, il-Kunsill mhuwiex se jagħti permessi relatati sabiex xi entità jew gruppi jorganizzaw xi tip ta’ attività għall-massa fil-karnival.

Għalkemm in-Nadur hu sinonimu mal-karnival, l-aktar lokalità li fih
tingħata importanza lil dan iż-żmien tas-sena, il-Kunsill Lokali jemmen li dan iż-żmien li qed ngħixu mhux il-mument li fih jitlaqqgħu n-nies u lanqas hu żmien li fih isiru attivitajiet li jinvolvu massa ta’ nies.

Din ma kinitx l-ewwel attività tal-massa li l-Kunsill Lokali tan-Nadur kellu jikkanċella hekk kif ġew imħassra l-attivitajiet tal-Imnarja, inkluż il-Wirja Agrarja, il-Festival tal-Inbid, Halloween, il-ġirja ta’ 8 kilometri man-Nadur, u saħansitra l-attivitajiet tal-Milied.

“Peress li l-Karnival fin-Nadur huwa wkoll spontanju, il-Kunsill Lokali jinsisti li ĦADD ma għandu juża din bħala skuża sabiex jiltaqa’ jew ilaqqa’ gruppi ta’ nies fin-Nadur. Il-Kunsill huwa kommess li jekk ikun hemm il-bżonn, jirraporta lill-forzi tal-ordni sabiex jara li tinżamm l-ordni u ma tinkiser l-ebda liġi jew direttiva tal-awtoritajiet tas-saħħa.”

Il-Kunsill temm jappella lil kulħadd biex jieħdu ħsieb saħħet xulxin u jinġieb rispett.

“Dan hu żmien li noqogħdu ferm attenti, biex hekk nittamaw li Karnival ieħor inkunu nistgħu niċċelebrawh kif jixraq.”