L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA, fi stqarrija esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-konsulent mediku, Kenneth Grech, wara li fil-fehma tagħha, dan tneħħa mill-Covid-19 Response Team b’mod mhux etiku u fi żmien mhux f’waqtu.
“L-iskuża li dan ingħata transfer mhux relatat mal-parir mediku li ta dwar it-tħassib tiegħu il-COVID-19 u s-sitwazzjoni fl-iskejjel ma titwemminx.”
Jekk kien qed jaġixxi fil-kapaċità ta’ konsulent tas-saħħa pubblika, kompliet l-istqarrija, Grech kellu dritt u dmir li jwassal il-parir li jimminimizza l-impatt tal-pandemija u m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandu jiġi ppenalizzat talli ħa t-tali pożizzjoni, anki jekk din togħġobx lill-imsieħba kollha.
L-istqarrija tal-MEA temmet tgħid li fid-deċiżjonijiet u l-pariri li jagħtu, l-Awtoritajiet tas-Saħħa għandhom ikunu imparzjali għal kwalunkwe pressjoni esterna u dan huwa żmien ħażin ħafna li nibdew niddubitaw fil-kredibilità tal-COVID-19 Response Team wara l-ħidma sfieqa tagħhom minndu faqqgħet il-pandemija.
Intant, il-Malta Health Network, f’ittra miftuħa lill-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, li fiha ġiet ikkuppjata ukoll is-Suppretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, insistiet li Kenneth Grech tneħħa mill-konsulenza u mhux ġie mibdul.
Għalhekk talbet lid-Deputat Prim Ministru jerġa’ jikkonsidra dan it-transfer, li ma jagħtix serħan il-moħħ lill-poplu Malti li s-Saħħa Pubblika f’pajjiżna qed tingħata l-importanza li tixraqilha f’dan iż-żmien delikat.
L-awtoritajiet tas-saħħa għalhekk għandhom jassiguraw li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu bl-akbar trasparenza u abbażi ta’ evidenza hekk kif rakomandata mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa pubblika biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-pazjenti u ċ-ċittadini Maltin, tenniet l-ittra iffirmata miċ-Chairperson tal-MHN, Gertrude Buttiġieġ.
//= $special ?>