Lokali Parlament

Jeħtieġ bidliet fil-kundizzjonijiet u fil-mentalità biex iktar nisa jidħlu fil-politika

Herman Schiavone, PN

Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone qal fil-parlament li minbarra l-abbozz ta’ emendi kostituzzjonali biex iktar nisa jkunu eletti fil-parlament, jeħtieġ li b’mod immedjat isiru bidliet kbar fil-kundizzjonijiet tad-deputati beix ikun iktar faċli li n-nisa jersqu lejn il-politika.

Herman Schiavone qal li s-sistema elettorali Maltija ma teskludix lin-nisa u ma teżistix diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-ewwel votazzjoni u l-votazjzonijiet ta’ wara għaliex il-votanti Maltin jivvutaw għan-nisa daqs l-irġiel.

Lanqas il-partiti m’huma problema għan-nisa. Minn studji li hu għamel fuq 16-il elezzjoni sal-2008, jirriżulta li s-suċċess tan-nisa fl-elezzjonijiet ġenerali kienet 2% iktar mill-irġiel. In-nisa li jerġgħu jkunu eletti wkoll kellhom l-istess riżultat daqs l-irġiel.

Il-problema hi waħda soċjo-ekonomika u kulturali għaliex il-mara għadha terfa’ ħafna mill-piż tal-familja. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kandidatura tan-nisa baqgħet baxxa għal dawn ir-raġunijiet u sostna li l-mara Maltija hi inqas perseveranti.

Hu qal li l-gvern jidher li mhux ċert minn dak li qed jagħmel għaliex waħda mill-kundizzjonijiet biex jiżdiedu n-nisa fil-parlament hi li fil-parlament ikunu eletti żewġ partit biss.

Dan mhux sew għaliex ir-riforma għandha tapplika wkoll f’każ li jkun elett it-tielet partit ukoll. Il-PN se jkun qed iressaq emendi f’dan is-sens billi partit li jeleġġi ħames deputati, jingħata deputat skont kemm ikollhom deputati.

Proposta oħra tal-PN hi l-Prim Ministru jkollu opportunità biex kollu l-grupp parlamentari disponibbli immedjatament mar-riżutat. Għalhekk l-elezzjonijiet każwali għandhom isiru mill-ewwel wara l-għadd tal-voti.

Deputati li jitilgħu minn żewġ distretti, b’mod awtomatiku jkun identifikat id-distrett li fih id-deputat ikun l-inqas perċentwal tal-kwota u jkun qed iċedi dan id-distrett. Emenda oħra tal-PN hi dwar ir-ranking tal-ġeneru li jinsab f’minoranza.

Dan għandu jsir skont l-aħħar għadd tal-kandidat li jkun waqa’ u jsir ranking skont il-persentaġġ ta’ kwota li jkunu ġabu fl-aħħar għadd. Id-deputat Nazzjonalista kompla li proposta oħra dwar tibdiliet fil-futur fl-abbozz għaliex dan hu abbozz kostituzzjonali.

Għalhekk kull bidla għandha isisr b’żewġ terzi tad-deputati. Dan l-abbozz waħdu mhux se jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ nis fil-parlament; jeħtieġ il-kuraġġ li l-pajjiż għandu bżonn iktar nisa tajbin iżda biex isir dan irid ikun hemm kundizzjonijiet tajbin biex in-nisa jersqu lejn il-politika u jibdew jikkontestaw.

Hu appella lill-Gvern biex qabel l-istadju ta’ kumitat isiru laqgħat tal-Oppożizzjoni biex isiru emendi oħra biex il-kundizzjonijiet tad-deputati jkunu imtejba.