“Bernard Grech gab mieghu passi pozittivi li jridu jitkomplew.”
Hekk saħaq l-editur online tas-sit maltatoday.com.mt, Kurt Sansone, meta t-Tnejn filgħaxija kien qed jagħti l-fehmiet tiegħu dwar l-ewwel 100 jum ta’ Bernard Grech fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, anke fid-dawl tal-fatt li s-surveys fl-aħħar 4 xhur, juru qabża sostanzjali fl-appoġġ għall-PN u l-Kap tiegħu – deskritt bħala pass fid-direzzjoni t-tajba:
“L-impatt ta’ Bernard Grech, u ċ-ċifri juru dan, kien li uħud minn dawk li vutaw lill-PN fl-elezzjoni tal-2017 u ma kinux komdi jgħidu li se jerġgħu jivvutaw lill-PN tul dawn l-aħħar 3 snin. Bernard Grech hemmhekk irnexxielu jagħmel gwadan, irnexxielu jikkonvinċi ħafna minn dawn in-nies biex jerġgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-PN. (…) Għalkemm il-PN ġab l-aqwa riżultat tiegħu tul dawn l-aħħar 3 snin, għad għandek parti sostanzjali tal-elettorat tiegħu li jgħid li mhux se jivvota. Iġifieri hemmhekk sar pass imma jeħtieġ li jitkompla.”
Kurt Sansone qal li fl-aħħar 100 jum, Bernard Grech addotta strateġija pjuttost aktar kawta; forsi strateġija li kellu bżonn il-PN wara dak li għadda minnu u għalhekk, l-pass li jmiss huwa li l-Partit jiġbed votanti ġodda.
Sansone qal li Bernard Grech jeħtieġ ifittex aktar li jħalli t-timbru tiegħu fuq il-Partit u d-direzzjoni li jixtieq iwasslu fiha, ħaġa kruċjali għax-xhur li ġejjin:
“Dan sabiex meta naslu għall-elezzjoni ġenerali oħra, ikun f’pożizzjoni li jkun ta’ sfida denja għall-Partit Laburista.”
Intervistat ukoll l-editur tal-gazzetta Illum, Albert Gauci Cunningham, li minn naħa tiegħu faħħar il-pożizzjoni li ħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq kwistjonijiet sensittivi bħad-divorzju u l-pandemija COVID-19:
“Pożittiv ukoll il-pożizzjonijiet li ħa Bernard Grech fuq kwistjonijiet bħad-divorzju. Jidhirli li dik kienet, ejja nsejjħulha, u-turn pożittiva li politiku jagħraf li jbiddel il-pożizzjoni tiegħu wara li jkun tkellem u ukoll ħass ir-realtà tan-nies, bħalma ċert li Bernard Grech għamel fix-xogħol tiegħu ta’ avukat. Din hija xi ħaġa pożittiva. Jidhirli ukoll li kien sensittiv ukoll lejn il-weġgħat ta’ diversi nies, speċjali qraba u ħbieb ta’ nies li sfortunatament mietu u għadhom qed imutu waqt il-pandemija tal-COVID-19 .”
Gauci Cunningham appella għal aktar ottimiżmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għaliex hemm wisq qtiegħ il-qalb dwar il-prospetti għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“Bernard Grech irid jara kif se jbiddel dan billi jintroduċi lura l-ħeġġa u l-fervur fost l-attivisti u l-għeruq tal-PN li dawn jemmnu li l-Partit għandu ċans.”
L-editur tal-Illum saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun inkubatur ta’ ideat, anke permezz tal-fergħat taż-żgħażagħ b’position papers wara diskussjonijiet mal-imsieħba socjali.
//= $special ?>